Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri ma weġibx mistoqsijiet parlamentari tal-Oppożizzjoni dwar jekk il-pulizija bdiet tinvestiga lill-ex Prim Ministru Joseph Muscat, lill-ex Ministru Konrad Mizzi u lill-persuni involuti fl-iskandlu tal-isptarijiet wara s-sentenza tal-qorti.
Kienu d-deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami u Mark Anthony Sammut li għamlu diversi mistoqsijiet lill-Ministru Byron Camilleri dwar jekk il-pulizija hix qed tagħmel dawn l-investigazzjonijiet.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami staqsa jekk il-pulizija bdietx l-investigazzjonijiet fil-konfront tal-ex ministru Konrad Mizzi u l-ex Prim Ministru Joseph Muscat u peruni oħra involvuti fl-iskandu tal-isptarijiet wara s-sentenza tal-qorti.
Il-Ministru Byron Camilleri qal biss li għad hemm inkjesta maġisterjali għaddejja.
Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal li l-pulizja tmexxi investigazzjonijiet b’mod indipendenti mill-inkjesti maġisterjali u għalhekk it-tweġiba li ta l-Ministru Camilleri hi biss skuża.
Isserraħħ moħħ in-nies li l-pulizija qed tinvestiga lil min wettaq dan il-frodi ta’ €300 miljun, lil Konrad Mizzi, lil Joseph Muscat u lill-membri tal-Kabinett li approvaw dan il-ftehim? staqsa d-deputat Nazzjonalista.
Il-Ministru Byron Camilleri wieġeb li l-politiku ma jindaħalx fl-investigazzjonijiet u sostna li jistenna li ma jsirux dawn il-mistoqsijiet.
Il-każ tal-festin ta’ George Degiorgio; il-Ministru jwaħħal fil-qrati
Il-Ministru Byron Camilleri kien mistqosi wkoll dwar il-każ ta’ George Degiorgio, li qed jiskonta sentenza ta’ 40 sena ħabs dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u li tħalla jattendi festin familjari.
Il-Ministru tal-Intern qal li kienet deċiżjoni insensittiva li qatt ma kellha sseħħ għaliex fil-konfront ta’ persuni li wettqu atti kriminali u atroċi u li ma juru ebda rimors, is-soċjetà ma tridx li jingħata messaġġ ta’ xejn m’hu xejn. Hu sostna li l-qorti ddeċidiet fuq talba tal-avukati tal-persuna fil-ħabs biex jattendi magħmudija u biex jattendi festin.
Hu sostna li f’dan il-każ kien hemm direzzjoni tal-qorti u qal li l-ġustizzja trid tidher li qed issir anki mal-vittmi. Is-soċjetà wkoll għandha drittijiet tagħha kif għandhom ukoll il-familjari tal-vittmi, sostna l-Ministru Camilleri, li kompla li jispera li dan il-messaġġ wasal għand kulħadd.
Id-deputat Nazzjonalista Alex Borg staqsa dwar l-inkjesta ta’ Berncie Cassar li kkonkludiet li l-Istat hu repsonsabbli. Hu staqsa min se jerfa’ r-resposnabbiltà? Staqsa Alex Borg.
Il-Ministru Camilleri qal li l-gvern għandu r-rieda li jwettaq ir-rakkomandazzjonjiet li hemm dwar il-vjolenza domestika.
//= $special ?>