Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: In-NU twissi dwar l-akbar kriżi umana fid-dinja tallum

Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, mill-ġdid appella biex tieqaf il-gwerra fl-Ukrajna karatterizzata mill-attakki fuq iċ-ċivili Ukreni u l-infrastruttura tagħhom…..Attakki sinonimi ma’ konflitt brutali li ħalla l-eluf kbar tal-vittmi innoċenti u tbatija bla heda għall-ommijiet, tfal, anzjani u persuni oħra vulnerabbli fl-Ukrajna.

Guterres tenna wkoll li l-invażjoni, sena ilu, tal-artijiet Ukreni mill-qawwiet tar-Russja qanqlu l-akbar storja ta’ abbuż tad-drittijiet umani fid-dinja tallum. Fl-istess ħin, il-konflitt fl-Ukrajna qed jirranka, bi ftit li xejn possibbiltà ta’ waqfien fl-ostilitajiet.

Dan ukoll meta r-Russja mhix qed tidher lesta biex taċċetta pjan għall-paċi li fasslet iċ-Ċina – alleata kbira tal-President Russu Vladimir Putin — u minkejja li dan il-pjan jibbaża l-aktar fuq l-interessi ta’ Moska. Intant, fl-aħħar sigħat, il-Kremlin qal li qed jevalwa dan il-pjan b’attenzjoni kbira filwaqt li sostna li l-proċess għandu jieħu ‘fit-tul ħafna’.

Guterres, waqt diskors lill-Kunsill tad-Drittijiet Umani ( appoġġjati min-NU) f’Ġinevra ( fl-Iżvizzera) tenna li l-invażjoni  tal-qawwiet Russi f’dawn ix-xhur xprunat mewġa ta’ imwiet, qerda u sitwazzjonijiet kontinwi ta’ refuġjati interni fl-Ukrajna….Kriżi umana li, skont hu, kapaċi ġġebbed għal xhur intensivi.

Wara li r-Russja falliet milli taħtaf Kiev, il-kapitali Ukrena, fl-ewwel ġimgħat tal-invażjoni, il-qawwiet tal-Kremlin damu x-xhur isofru l-umiljazzjonijiet fuq il-kampijiet tal-battalja fiz-zoni tal-lvant u n-nofsinar tal-Ukrajna.

Madankollu,  l-Armata tar-Russja qed tidher li stabbilizzat is-sitwazzjoni tagħha fuq il-fronti tal-gwerra u issa qed tikkonċentra l-isforzi fuq offensiva kbira bil-ħsieb li taħtaf il-kontroll tal-qalba industrijali fir-reġjun tad-Donbas.

Dan waqt li l-Ukrajna qed tittama li tirċievi aktar tankijiet tal-gwerra u armamenti oħra sofistikati mingħqand il-Punent biex tmexxi l-kontro-offensivi u tieħu lura aktar artijiet li bħalissa huma okkupati mir-Russi.

U waqt li Guterres kien qed jenfasizza t-tbatija tal-poplu Ukren b’kaġun tal-attakki indiskriminattivi tar-Russi, il-qawwiet ta’ Moska, fl-aħħar sigħat, użaw numru ta’ drones bl-isplussivi biex jattakkaw diversi reġjuni tal-Ukrajna bir-riżultat li nqatlu aktar ċivili.