Internazzjonali

Il-Messiku: Għadab kontra l-Gvern dwar il-passi kontra l-Istituzzjoni Elettorali

Bħalissa qed isiru d-dimostrazzjonijiet kbar fl-ibliet tal-Messiku fejn in-nies qegħdin jesprimu għadab għall-isforzi tal-Gvern biex idgħajjef lill-awtoritajiet elettorali.

L-aħħar dimostrazzjonijiet kienu organizzati fil-Belt tal-Messiku u bliet oħra iżgħar u fejn għexieren ta’ eluf, waqt ir-rallies, esprimew l-għadab kontra l-Gvern Messikan tal-President Andres Manuel Lopez Obrador.

It-tensjoni fil-Belt tal-Messiku ilha tinħass mindu, jiem ilu, id-deputati parlamentari vvutaw biex inaqqsu l-baġit tal-Istitut Elettorali Nazzjonali – u bil-Gvern jaqbel ukoll biex inaqqas mill-istaff ta’ dan l-Istitut.

Min-naħa tiegħu, il-President López Obrador qed jakkuża lill-Istitut Elettorali dwar ‘atteġġjament partiġġjan’, filwaqt li d-dimostranti li ħarġu jipprotestaw kontra l-Gvern qegħdin jgħidu li l-vot mill-Amministrazzjoni għandha titqies bħala attakk fuq id-demokrazija.

Id-dimostranti anki qed jinsistu biex il-Qorti Suprema tal-Messiku tinvalida l-vot tad-deputati bħala wieħed ‘anti-kostituzzjonali’.