“Ix-Xandir Pubbliku hu tal-poplu kollu. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jissielet u jikkumbatti biex tkompli tirbaħ Malta.”
Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fid-dawl tal-fatt li dalgħodu l-ogħla Qorti tal-pajjiż ikkonfermat għal darb’oħra li x-Xandir li suppost hu Nazzjonali u mhux tal-gvern tal-Labour biss kiser id-drittijiet fundamentali tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan hu inaċċetabbli għax din kienet biċċa oħra mill-iskema ta’ Robert Abela li jaħtaf f’idejh lill-istituzzjonijiet tal-Istat. U minkejja li nġibditlu l-attenzjoni diversi drabi, Robert Abela qed jibqa’ juża’ lilll-istituzzjonijiet kif jaqbel lilu u biex iwassal il-messaġġ tiegħu u tal-Gvern tiegħu, filwaqt li jipprova jkisser u jostor il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Qorti nnotat ukoll li “l-PBS kienet qed tikser manifestament l-obbligi tagħha”, f’konferma oħra ta’ dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, li reġa’ ngħata raġun. Għax meta l-PBS tikser id-drittijiet fundamentali tal-Partit Nazzjonalista, tkun qed tikser id-demokrazzija li għandha tirrenja f’Malta u allura tikser id-drittijiet tal-poplu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit se jibqa’ viġilanti u mhux se jieqaf hawn. Mhux se jċedi quddiem dan l-abbuż sfaċċat, issa kkonfermat mill-ogħla Qorti tal-pajjiż. Filwaqt li staqsa min se jerfa’ r-responsabbilta għax ma jistax ikun li jinkisru d-drittijiet u kulħadd jibqa’ jfarfar daqslikieku xejn mhu xejn, insista li t-tmexxija tal-PBS għandha tidentifika lil min għamel dan il-ksur u jinżamm responsabbli ta’ għemilu.
Tenna li meta jkunu qed jinkisru d-drittijet fundamentali tal-Partit Nazzjonalista jkunu qed jinkisru d-drittijiet fundamentali tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Il-poplu għandu d-dritt jara dawn l-abbużi jieqfu u li l-istuzzjonijiet ta’ pajjiżna jaħdmu għalih ukoll mhux għal Robert Abela u sħabu. Il-poplu għandu d-dritt li jkollu l-informazzjoni kollha u ħielsa qabel ma mbagħad jiġġudika hu min hu l-aħjar li jmexxi lill-pajjiż.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista organizza l-protesta li se ssir illejla quddiem il-Parlament, ladarba jrid ikompli l-ġlieda għall-verità, biex l-isptarijiet jerġgħu jkunu tal-poplu u għal istituzzjonijiet ħielsa. Dan fl-istess waqt li Robert Abela se jibqa’ jiġġieled biex ilaħħaq Kummissarju tal-Istandards li jrid hu.
//= $special ?>