Lokali Parlament

Il-PN ġab l-isptarijiet lura; issa obbligu tal-gvern li jġib it-€300 miljun lura

Adrian Delia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal fil-parlament li issa li l-PN, permezz tal-kawża li hu fetaħ fil-qorti, ġab l-isptarijiet lura, issa hu obbligu tal-gvern li jġib lura it-€300 miljun li nsterqu lill-poplu Malti mill-korruzzjoni tal-isptarijiet.

Meta fetaħ id-dibattitu dwar l-iskandlu tal-isptarijiet wara s-sentenza tal-Qorti, Adrian Delia qal li dan kien traġitt ta’ ħames snin u sostna li l-kawża setgħet issir biss bħala deputat biex jitħares il-patrimonju nazzjonali biex dan ma jinsteraqx u ma jingħatax lil xi ħadd u l-pajjiż ma jieħu xejn. Hu sostna li l-kawża ma saritx kontra persuna waħda u kompla li l-Qorti sabet responsabbiltà fil-konfront tal-persuni u entitajiet li l-kawża saret kontrihom.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-kawżi saru kontra c-Chairman tal-Awtorità tal- Aritjiet, kontra s-CEO tal-Awtorità Artijiet għax kienu responabbli li jaraw li l-ġid u kienu parti mill-kuntratt, kontra l-INDIS, kontra l-Avukat Ġenerali, kontra t-tliet kumpaniji involuti fl-isptarijiet u kontra l-Prim Ministru. Dawn kollha qalu li m’għandhom x’jaqsmu xejn u m’għandom ebda responsabbiltà.

Dan meta ma twettaq ebda servizz jew ma sar ebda investiment li suppost kellu jsir waqt li l-Gvern żied il-budget minn €30 miljun għal €80 miljun kull sena. Il-Qorti sabet lil kull parti responsabbli u qalet li ma jistax ikun li l-awtoritajiet tal-gvern ma jieħdux responsabbiltà ta’ għemilhom.

Kien hemm min ftehim minn qabel li se jiġu dan il-kuntratt. Kif jista’ jkun li l-Prim Ministru u jgħid li m’għandux x’jaqsam? Il-qorti qaltlu li hu l-aktar wieħed responsabbli; anzi b’mod ewlieni.

Adrian Delia qal li l-qorti ma sabitx biss ksur tal-kundizzjonijiet jew li ma sarx l-investiment imma sabet li kien hemm aġir frawdalenti. Dan l-aġir sofrih il-poplu Malti u Għawdxi kollu fl-ammont kien €300 miljun. Kieku dan il-kuntratt ma tħassarx, fuq l-ewwel 30 sena, l-ammont kien jitla’ għal €4,000 miljun.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-qorti sabet li kien hemm ippjanar minn qabel u ħsieb li l-l-irregolaritajiet se jitwettqu iżda li l-poplu fil-fatt jkun iffrodat qabel dwar il-proġett, matul il-proċess u fl-aħħar propju meta l-gvern ra li ma ssar ebda investiment, flok waqqafhom milli jomplu jisirqu, mar għamel ftehim biex il-barranin frawdalenti jieħdu €100 miljun mit-taxxi tal-mistħija. Din hi immorali minbarra abbużiv u llegali! sostna Adrian Delia, li kompla li l-qorti hi istituzzjoni li qed taħdem fil-pajjiż.

Wara din is-sentenza, il-gvern qed jgħid li se janalizza s-sentenza donnu ma kinx jaf x’qed jiġri fil-kawża. Il-gvern qed jgħid li se jħares l-interess nazzjonali, sostna Adrian Delia, li qal li l-gvern ma jistax iħares l-interessi nazzjonali wara dak li għamel f’dan l-iskandlu.

Hu fakkar kif flimkien mall-Kap tal-PN Bernard Grech kien tressaq Protest Ġudizzjarju biex il-gvern ma jibqax itihom €80 miljun iżda l-gvern baqa’ għaddej itihom il-fondi.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien Edward Scicluna hu responsabbli jekk ix-xogħol kien li jħares il-fondi tal-pajjiż. Warajh il-Ministru tal-Finanzi, għad-deċiżjonijiet li ħa inkluż meta kien jaf bil-protest ġudizzjarju tal-Oppożizzjoni. Minbarra dawn il-flus, hemm €46 miljun f’taxxi li l-kumpaniji kellhom jagħtu.

Adrian Delia sostna li l-gvern għandu jġib lura €300 miljun għax l-isptarijiet il-PN kien ġabhom lura.

Hu kompla li l-garanziji li kellhom jiġu ma ġewx u allura kellu jkun il-Bank of Valletta (BOV) li fuq medda ta’ ftit żmien f’Mejju 2018 u f’Lulju 2019 jgħaddulhom €36 miljun lil dawn il-ħallelin bla ma saru ebda mistoqsijiet. Min se jwieġeb għal dan? Min għamlu d-due diligence għal dawn?

Adrian Delia semma’ lill-Kummissarju tal-Pulizija u staqsa x’se jagħmel il-Kummissarju tal-Pulizija meta l-qorti qed tgħid li hemm l-estremi tal-kriminalità. Lil min arresta l-Kummissarju tal-Pulizija?

Il-Bord ta’ Evalwazzjoni kien magħmul James Camenzuli, Manuel Castagna, uffiċjali tan-Nexia BT u Robert Borg, spjega Adrian Delia, li kompla li dawn kellhom dover li jaraw lil min jagħtu l-offerta tal-isptarijiet. Dawn taw din l-offerta lil kumpanija li kienet ilha reġsitrata xahrejn u li qatt ma kellha esperjenza fis-settur mediku. Immorali!, sostna Adrian Delia, li staqsa min se jerfa’ r-responsabbiltà?

Id-deputat Nazzjonalista appella biex xi deputat tal-gvern u jgħid min se jerfa’ r-responsabbiltà; għalxejn il-gvern jgħid li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu.