Lokali

Jinstab katavru fil-baħar f’Wied il-Għajn

It-Tnejn għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm intlemaħ ġisem ta’ persuna fil-baħar madwar 3 mili nawtiċi ‘l barra mill-kosta ta’ Wied il-Għajn.

Fuq din l-informazzjoni, il-Pulizija minnufih talbet l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta li minn naħa tagħhom marru fuq il-post, tellgħu l-kadavru u ħaduh Xatt it-Tiben.

Il-ġisem għadu mhux identifikat peress li nstab fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni.

Il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li mistennija ssir awtopsja fuq il-kadavru sabiex tiġi stabbilità l-kawża tal-mewt.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ għadha għaddejja.