Karl Cini li kien sieħeb fil-kumpanija Nexia BT beda proċeduri fil-Qorti biex tagħtih id-dritt tas-silenzju. F’rikors li huwa ppreżenta fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha, kontra l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati u ċ-Chairperson tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) huwa qed jgħid li żewġ rulings ta’ l-Ispeaker qed jiksrulu d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq kif sanċit mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea u mill-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Karl Cini kien nstab ħati ta’ ksur ta’ privileġġ wara li invoka d-dritt tiegħu għas-silenzju fuq il-mistoqsijiet kollha li sarulu quddiem il-kumitat tal-kontijiet pubbliċi tal-parlament. L-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia kien ddeċieda li għalkemm ix-xhieda kellhom id-dritt tas-silenzju u ma jwieġbux għal mistoqsijiet li jistgħu jinkriminawhom, dan id-dritt ma kienx wieħed ġenerali u bla kundizzjonijiet.
L-Ispeaker kien tenna li xhieda li jidhru quddiem il-PAC ma jistgħux jinvokaw id-dritt tagħhom għas-silenzju b’kapriċċ iżda biss jekk il-mistoqsijiet ikunu inkriminanti. Farrugia kien ta s-sentenza fuq talba taċ-ċermen tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi Darren Carabott, li tenna talba għal gwida wara li Cini kien reġa’ rrifjuta li jwieġeb xi mistoqsijiet li sarulu mill-membri tal-kumitat nhar it-Tlieta.
L-eks sieħeb ta’ Nexia BT reġa’ kien kontinwament jeżerċità l-frażi “Neżerċita d-dritt tiegħi għas-silenzju,” bi tweġiba għal kull mistoqsija li ċ-chairman tal-kumitat Darren Carabott. L-Ispeaker kien qal li jekk Cini jerġa’ jirrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet, x’aktarx ikun riferut lill-Kumitat tal-Privileġġi tal-parlament.
Dak il-kumitat, li l-gvern jikkontrolla b’maġġoranza ta’ 3-2, jista’ jawtorizza lill-Ispeaker jordna lill-Pulizija biex itella’ lil Cini il-Qorti, jew inkella jiddeċiedi li jingħata twissija. Cini qal fir-rikors tiegħu li ġie preżentat mill-Avukat tiegħu Stephen Tonna Lowell li invista tal-proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu u l-inkjesti Maġisterjali fejn huwa wieħed mill-persuni “suspettati” għamel tentattiv sabiex jipprevalixxi ruħu mid-dritt tas-silenzju, dritt, sanċit mill-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali u mill-Qorti ta’ Strasburgu.
Għalhekk qal, li jista’ potenzjalment, fl-eventwalità li jinsisti li jipproteġi d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq, jiġi punit b’piena taż priġunerija effettiva. Huwa qal li apparti minn hekk, fis-6 ta’ April 2021, kien ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li ma jikkommettiex delitt ieħor ta’ natura volontarja waqt li jkun meħlus mill-arrest.
Cini qal li għalhekk mhux biss huwa potenzjalment espost għall-piena ta’ priġunerija, iżda adirittura espost li jitlef il-ħelsien mill-arrest tiegħu minħabba ksur tal-kundizzjoni indikata, Cini qal li għalhekk huwa qed jitlob lill-Qorti tiddikjara li l-Guide for Witnesses appearing before the PAC of the House of Representatives jikser id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq skont il-Konvenzjoni Ewropea u l-Koztituzzjoni ta’ Malta inkwantu li jobbligah jirrispondi għall-mistoqsijiet mill-membri tal-PAC, jiksrulu d-dritt ta’ smigħ xieraq.
Huwa talab lill-Qorti biex tiddikjara li r-ruling ta’ l-Ispeaker jiksru d-dritt tiegħu, dritt li għandu, dik li jżomm s-silenzju u li l-Qorti għandha tagħti d-direttivi kollha, inkluż danni, sabiex ikun protett mid-drittijiet fondamentali u kostituzzjonali tiegħu kif protetti mill-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea.
//= $special ?>

