Lokali Qorti

Konferma li l-PBS wettaq żbilanċ u li l-Awtorità tax-Xandir ma ħaditx azzjoni: danni għall-PN jitilgħu għal €5,000

Il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony  Ellul mhux biss ikkonfermat sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li kienet laqgħet talba tal-PN u ddikjarat li l-Awtorità tax-Xandir naqset milli tassikura li tinżamm imparzjalità dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika imma żidiet il-ħlas ta’ danni minn €1,500 għal €5,000.

Kienet ikkonfermata wkoll li l-Awtorità tax-Xandir m’aġġixxitx b’ħeffa meta x-Xandir Nazzjonali, l-PBS għal żmien konsiderevoli naqset li tobdi l-ordni tagħha fil-każ tax-xandira dwar il-flyover tal-Marsa. L-Ewwel Qorti preseduta mill-Imħallef Grazio Merceica kienet tat raġun lill-Partit Nazzjonalista dwar l-iżbilanċ sfaċċat fix-Xandir Pubbliku meta ddikjarat ukoll li bl-aġir tiegħu, il-PBS, kiser l-Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni u l-Artiklu 13 tal-Kap 350.

Dan billi naqas milli jassikura li tiġi miżmuma imparzjalita xierqa dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika billi sfida ordni tal-Awtorità. Il-PBS kien appella mis-sentenza. L-Imħallef Mercieca kellu kliem iebes fil-konfront tax-xandir tal-Istat, il-PBS li jibqa’ jisfida u lill-Awtorità tax-Xandir talli kaxkret saqajha fuq dritt ta’ tweġiba mogħtija lill-PN u bl-istazzjon ta’ l-Istat ma jimxix b’mod imparzjali.

Il-PBS kien u reġa’ instab ħati kiser il-Kostituzzjoni billi naqas milli jirrapporta b’mod imparzjali dwar kwistjoni ta’ kontroversja politika. L-Imħallef sab ukoll li l-Awtorità tax-Xandir naqset milli taġixxi fil-ħin, f’kawża kostituzzjonali mressqa mill-Partit Nazzjonalista qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu li għadda.

Il-PN kien ressaq il-każ kontra l-Awtorità tax-Xandir, Servizzi tax-Xandir Pubbliku Ltd, il-Ministru Carmelo Abela u l-Avukat tal-Istat is-sena l-oħra, fejn ilmenta minn preġudizzju favur il-gvern fl-ipprogrammar tax-xandir pubbliku, li ssarraf fi ftit jew xejn ‘coverage’ tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru. mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-PBS kien sfida wkoll ordni tal-Awtorità tax-Xandir, bi ksur tal-Kostituzzjoni u l-liġi li tirregola l-midja tax-xandir, qal il-PN.

Kien biss tliet xhur wara, wara t-tieni ilment imressaq mill-PN, li l-imsemmija Awtorità sabet lill-PBS ħati li għamel dan u imponiet multa. Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Grazio Mercieca kien ddeċieda li “il-pluraliżmu huwa fattur importanti fid-dritt tal-libertà tal-espressjoni. “L-Istat mhux biss għandu l-obbligu, li ma jindaħalx jew joħnoq il-libertà tal-espressjoni, iżda għandu wkoll l-obbligu pożittiv li joħloq qafas leġiżlattiv u amministrattiv li jiggarantixxi pluraliżmu effettiv.”

L-Imħallef Merceica kien innota li l-attur ma kienx qed jitlob biss li jitħalla jissemma’ leħnu, iżda li jingħata d-dritt ta’ risposta, “dritt li l-Istat għandu jipproteġi bħala parti mill-obbligi pożittivi tiegħu…” “F’dan l-istadju, din il-Qorti ma tistax tonqos milli tagħmel kumment ta’ natura ġenerali f’tentattiv – anke jekk tibqa’ vuċi solitarja fid-deżert – biex twaqqaf l-oppressjoni tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni. Jidher li saret konvenzjoni mhux miktuba fil-politika Maltija li r-rebbieħ jieħu kollox (winner takes all).

Ir-rebbieħ juża s-setgħa hekk imsejjħa ‘incumbency’ sal-limiti tiegħu, inkluż il-midja tax-xandir. Min jitlef dan isejjaħlu tal-mistħija u kultant jipprotesta, anke permezz tal-Qrati. Imbagħad, meta tinbidel il-paġna (u jinbidel il-partit fil-Gvern), issa rebbieħ  jagħmel l-istess abbużi.

Il-Qorti ma setgħetx tordna li l-PN jerġa’ jitpoġġa fil-pożizzjoni li kien fiha qabel bdiet l-imġieba li kien qed jilmenta dwarha, qalet l-istess Qorti, għax dan seta’ jintlaħaq biss billi jiġi indirizzat l-iżbilanċ immedjatament. Sadanittant il-Qorti Kostituzzjonali qalet minn naħa tagħha li mill-atti jirriżulta li l-PN kien bagħat ittra datata 13 ta’ Jannar 2022 lill-Awtorità tax-Xandir fejn ilmenta li l-PBS u l-Gvern kienu ġabu fix-xejn l-ordni mogħti minnha billi żiedu r-reklamar tal-Gvern fil-ħinijiet tar-reklamar tal-Partit Nazzjonalista li kien ġie ordnat mill-Awtorità tax-Xandir.

L-ebda ġustifikazzjoni mill-Awtorità tax-Xandir li taħsel idejha mill-kwistjoni

Għalkemm huwa minnu li l-forma ta’ dan l-ilment ma kinitx tosserva fedelment dak provdut mir-regolament 3 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.6 peress li ma ġiex indirizzat lill-PBS dan ma jfissirx li l-Awtorità tax-Xandir kienet ġustifikata meta ħaslet idejha minn din il-kwistjoni.

Wara kollox, skont il-Kostituzzjoni l-Awtorità tax-Xandir hija l-gwardjana tal-imparzjalità fuq il-mezzi tax-xandir u għandha s-setgħa u d-dmir li taġixxi anke ex officio sabiex tiżgura li l-Kostituzzjoni tiġi osservata u rispettata. Inoltre, huwa relevanti wkoll li meta l-Partit Nazzjonalista ressaq dan l-ilment tiegħu fit-13 ta’ Jannar 2022 kienu diġà
għaddew aktar minn xahrejn mid-deċiżjoni tagħha u għalhekk fil-fehma tal-Qorti Kostituzzjonali kien hemm ċertu urġenza li l-Awtorità tindaga u tara li l-ordni li kienet tat xahrejn qabel kien qiegħed jiġi obdut.

Dan partikolarment ikkonsidrat li (i) diġà kien hemm preċedent proprju fl-istess sena fejn il-PBS injorat b’mod flagranti l-ordni tal-Awtorità u l-Awtorità kellha tintervjeni sabiex il-PBS tobdi l-ordni tagħha u (ii) f’dak il-punt kienet qed
toqrob l-elezzjoni u għalhekk kien aktar u aktar imperattiv li l-Awtorità tassigura li l-partiti politiċi jitpoġġew pari passu fuq il-mezzi tax-xandir kif teżiġi l-Kostituzzjoni.

Għalhekk mhux biss l-Awtorità kellha s-setgħa li taqbad u tinvestiga dan in-nuqqas skont il-Kostituzzjoni iżda
talli skont ir-regolament 17 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.6 kellha ssetgħa li “ tiddispensa mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi hekk kif tista’ tiddeċiedi” inkluż allura l-ħtieġa li l-Partit Nazzjonalista jindirizza l-ilment tiegħu lil PBS qabel ma jitqies li jkun ġie ntavolat kif jeħtieġu r-regolamenti.

Mill-ittra mibgħuta mill-Awtorità tax-Xandir lill-Partit Nazzjonalista fis-17 ta’ Jannar 2022 ma jirriżultax li l-Awtorità tax-Xandir ħadet xi ħaġa minn dan in konsiderazzjoni meta ddeċidiet li ma tinvestigax il-fatti li tressqu a konjizzjoni tagħha mill-Partit Nazzjonalista.Il-Qorti tqis ukoll li għandu raġun il-Partit Nazzjonalista li l-Awtorità tax-Xandir kienet żbaljata fil-liġi meta rrifjutat it-talba tiegħu biex tgħaddilu l-iskeda tar-reklamar tal-Gvern għaliex “l-Awtorità mhiex l-istituzzjoni
kompetenti sabiex tottjeni din l-informazzjoni.”

Skont l-artikolu 15 tal-Kapitolu 350 tal-Liġijiet ta’ Malta l-Awtorità tax-Xandir għandha s-setgħa li tordna li tingħata dak it-tagħrif li l-Awtorità tista’ teħtieġ b’mod raġonevoli għall-finijiet tat-twettiq xieraq tal-funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 119 talKostituzzjoni u għall-adempiment xieraq ta’ kull dmir ieħor jew funzjoni oħra msemmija fil-Kapitolu 350 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Ikkonsidrat li l-Awtorità tax-Xandir ġiet infurmata li l-PBS kienet qiegħda mhux biss tirrifjuta li timplimenta b’mod xieraq l-ordni tal-Awtorità tax-Xandir iżda talli b’dan il-mod kienet qed tkompli taggrava l-iżbilanċ li kien ġie kkonstatat
mill-Awtorità tax-Xandir stess, il-ksib ta’ tagħrif dwar l-iskeda ta’ reklamar tal-Gvern kien wieħed raġonevoli għall-finijiet tat-twettieq tal-funzjonijiet tal-Awtorità tax-Xandir imposti fuqha mill-Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni ta’
Malta.

Għalhekk l-Awtorità tax-Xandir kienet ferm żbaljata fil-liġi meta wieġbet lil Partit Nazzjonalista li ma kinitx l-istituzzjoni kompetenti biex tikseb dan it-tagħrif. Fid-dawl ta’ dan kollu din il-Qorti tqis li l-Ewwel Qorti kienet żbaljata meta ċaħdet l-ewwel talba wara li kkonsidrat li l-Partit Nazzjonalista naqas milli jagħmel ilment ulterjuri dwar l-aġir tal-PBS in konnessjoni marreklamar tal-Budget.

Mill-atti jirriżulta b’mod ċar li l-Awtorità tax-Xandir kellha s-setgħa u anzi d-dmir li tinvestiga jekk il-PBS kinitx qed tobdi fedelment l-ordnijiet mogħtija minnha sabiex tirretifika l-iżbilanċ li nħoloq bir-reklamar tal-Gvern dwar il-budget, inkluż billi tordna lil PBS li tgħaddilha l-iskeda tar-reklamar tal-Gvern.

L-Awtorità tax-Xandir kellha tintervejni meta l-PBS baqa’ ma għamel xejn

Jirriżulta però li l-Awtorità naqset milli tagħmel dan, jew għax ma fehmitx sew l-obbligi mposti fuqha mil-liġi jew għax sempliċiment kienet qed tirrifjuta mingħajr raġuni valida milli taqdi l-istess. Fil-fehma ta’ din il-Qorti, ikkonsidrat li ftit tax-xhur qabel kien diġà hemm inċident fejn il-PBS injorat ordni mogħti mill-Awtorità tax-Xandir tant li l-Awtorità tax-Xandir kellha tintervjeni, tagħmel proċess aġġudikattiv ieħor u tagħti deċiżjoni dwar l-intransiġenza tal-PBS, l-Awtorità tax-Xandir aktar u aktar kellha tara li tissorvelja strettament l-aġir tal-PBS biex tiżgura t-twettieq tal-ordnijiet tagħha mill-PBS.

Minflok, mhux biss l-Awtorità ma għamlet l-ebda sorveljanza jew investigazzjoni ex officio, iżda talli warrbet dan l-ilment fuq il-pretest li ma kienx sar eżattament skont ir-regolamenti u li ma kienx il-kompitu tagħha li tottjeni l-informazzjoni mitluba, żewġ konklużjonijiet li kif diġà ġie kkonsidrat minn din il-Qorti (Kostituzzjonali) kienu żbaljati fil-liġi.

Minħabba dan in-nuqqas tal-Awtorità tax-Xandir il-preġudizzju li seta’ ġie kkawżat lil Partit Nazzjonalista minħabba l-aġir tal-PBS ma ġie qatt indirizzat u wisq anqas rimedjat b’mod tempestiv. Għaldaqstant il-Qorti tqis li l-ewwel talba attriċi kellha tiġi milqugħa kollha u għalhekk ser tirriforma d-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti f’dan is-sens.

L-Awtorità tax-Xandir u l-PBS kienu ġew ordnati jħallsu €1,500 f’danni mhux pekunjarji kull wieħed lill-PN u li issa din telgħet għal €5,000 mill-Appell Kostituzzjonali. Is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino kif ukoll l-avukati Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech, irrappreżentaw lill-PN fil-proċeduri. Għall-Awtorità tax-Xandir deher il-Professur Ian Refalo, u għall-PBS dehru l-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo.

Reazzjoni PN

Rebħa oħra għal Malta… hekk kif il-Qorti reġgħet tat raġun lill-Partit Nazzjonalista u kkonfermat l-iżbilanċ li hemm fix-Xandir Pubbliku.

Sostna dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino wara li t-Tnejn filgħodu l-Qorti tal-appell kkonfermat li l-PBS wettaq żbilanċ filwaqt li l-Awtorità tax-Xandir ma ħaditx azzjoni – bil-konsegwenza li ġew ordnati mill-Qorti sabiex iħallsu lill-Partit Nazzjonalista €5,000 kull wieħed f’danni.

Net News ħa l-ewwel reazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino, fejn flimkien mad-Deputati Nazzjonalisti David Agius u Graham Bencini u mal-Avukati Francis Zammit Dimech u Paul Borg Olivier, saħaq li l-Qorti sabet li d-drittijiet fundamentali tal-Partit Nazzjonalista ġew miksura.