Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistati fil-konfront ta’ raġel li kien nstab ħati li beżża’ lill-eks mara tiegħu. Ir-raġel ta’ 40 sena iżda ma nstabx ħati li hedded lil martu u beżża’ lil uliedu f’każ li kien qed jiġi allegat li seħħ fis-6 ta’ Mejju 2020, fiż-Żurrieq.
Fit-18 ta’ Ottubru 2022 hu kien instab ħati tal-akkużi fil-konfront ta’ martu fejn il-każ kellu l-bidu tiegħu meta l-mara għamlet rapport fl-Għassa tal-Pulizija li bintha bagħtitilha messaġġ fuq Messenger bil-kliem “Ma, id-daddy qed jheddidna li ħa joqtlok, kif ukoll qiegħed jgħajjarna bin-nannu”.
Ir-raġel insista li r-rapport sar fuq kliem ħaddieħor, dak li bl-Ingliż jissejjaħ ‘hearsay evidence’, u bintu qatt ma ssejħet biex tixhed. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li biex ir-raġel jinstab ħati li hedded lil martu, il-Prosekuzzjoni kellha ttella’ tixhed lit-tifla u din riedet tikkonferma t-theddid, xi ħaġa li ma saritx.
Kien għalhekk li lliberatu mill-akkużat li hedded lil martu. Dwar l-akkuża li beżża’ lil martu hi qalet li wara li mar għat-tfal għall-aċċess, huwa beda jħabbat il-bieb tad-dar u dan l-aġir nissel biża’ f’martu għax ma kinitx l-ewwel darba li għamel hekk qabel.
L-Imħallef elenkat diversi kummenti li l-mara qalet li rċeviet mingħand żewġha fosthom “noqtlok, inqattgħek biċċiet u nitimgħek lill-ħut”, “niksirlek il-ġewża ta’ għonqok”, “naqtagħlek rasek”, “20 sena barra u 20 sena ġewwa xorta għalija”, “mill-bir saż-żgħir se jbati” u “nirra tieqaflek qalbek, ja ħadra”. Kien għalhekk li kkonfermat il-ħtija li kkaġuna biża’ lil martu kif sabitu l-Qorti tal-Maġistrati u l-piena ta’ ħabs sospiża flimkien mal-ordni ta’ trażżin biex ma jdejjaqx lil martu.
//= $special ?>