L-Imħallef Edwina Grima kkonfermat sentenza fil-konfront ta’ raġel mis-Siġġiewi li kien ikkundannat 13-il xahar ħabs wara li nstab ħati li attakka tfajla Żvediża waqt li kienet għall-kwiet ħdejn il-baħar fil-Belt. Il-Qorti ma laqgħet it-talba ta’ Frederick Mifsud, ta’ 39 sena nstab ħati li fit-28 ta’ Awwissu tal-2020, bejn is-2pm u t-3pm fil-Belt, ikkaġuna ġrieħi gravi lil Anna Karsbjer ta’ 26 sena, u li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti tal-Maġistrati mogħtija fil-11 ta’ Ġunju tal-istess sena.
Fil-Qorti l-vittma kienet qalet li ġiet aggredita u msawwta minn raġel waqt li kienet qed tixxemmex fiż-żona magħrufa bħala l-Fossa, fil-Belt Valletta u ħasbet li se tispiċċa stuprata nkella maqtula. Dan wara li Mifsud qabeż fuqha u anke f’mument minnhom qabadha minn rasha.
Kien fis-26 ta’ Settembru li għadda li kien instab ħati mill-Maġistrat Nadine Lia fejn minbarra l-piena ta’ ħabs, kellu €2,300 marbuta mal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor jgħaddu għand il-Gvern Malti. Mifsud kien appella u lmenta li l-piena tal-Qorti tal-Maġistrati kienet waħda “sproporzjonata” u kien għalhekk li talab tnaqqis fiha.
L-Imħallef Edwina Grima ċaħditlu l-appell fejn irrimarkat li l-każ seta’ kellu konsegwenzi ferm gravi għax mingħajr ebda mottiv, imma aktarx biex jabbuża mit-tfajla sesswalment, huwa aggrediha waqt li kienet għall-kwiet ħdejn il-baħar titkellem ma’ missierha fuq il-mobile phone.
Hija semmiet ukoll li mix-xhieda ta’ psikjatra huwa għandu problemi ta’ personalità u għandu l-PTSD (Post Traumatic Stress Disorder) u ħeġġet lill-uffiċjali tal-ħabs biex jgħinu jittrattahom. Il-vittma qalet li toqgħod Amsterdam u f’Malta hija tgħix l-Imsida. Dak inhar tal-inċident kienet qed titkellem ma’ missierha fuq il-fatt li ommha kienet waslet biex tiċċelebra għeluq snienha.
Kompliet tgħid li kienet qed tixxemmex wiċċha ‘l fuq fejn innutat li kien hemm raġel li kien miexi fuq l-irdumijiet, u resaq viċin lejha u ħassitu jmissilha saqajha. Qalet li hi nfurmat lil missierha dwar dan, dak li kien hemm raġel wieqaf quddiemha.
“Meta rajt hekk jien għedtlu biex iżomm id-distanza minħabba l-COVID-19 u smajtu jgħid xi ħaġa fis-sens li kien qed jistad għax semma’ l-kelma ‘fishing’. Kellu kopp f’idejh u bqajt nitkellem ma’ missieri. Wara 30 sekond jew ftit aktar huwa qabeż fuqi u f’mument minnhom ħsibt li kien waqa’ fuqi.
“Huwa beda jaggredini, b’missieri għadu fuq il-linja tal-mobajl u jisma’ kollox. Kien fuqi u ma stajt nagħmel xejn għax beda jżommni minn idejjha. Ma flaħtx aktar u għedt li kien se jieħu vantaġġ minni jew iħallini għal mejta. Ippruvjat naħrablu imma ma stajtx u f’daqqa waħda waqaf u qabad u telaq.
Qalet li bdiet tgħajjat għall-għajjut u rat raġel li marret fuqu b’xokk kbir. Qalet li f’ħin minnhom anke ommha kienet fuq il-mobajl magħha. Kompliet tgħid li wara waslu l-Pulizija u bdew jieħdu r-ritratti tagħha minħabba l-feriti u ħaduha wkoll f’Ċentru tas-Saħħa. Qalet li wara l-Pulizija ħaduha d-dar u mal-lejl beda jintefħila wiċċha.
Marret ukoll l-isptar St. James fejn ħadulha x-ray ta’ mnieħirha u qalulha li jista’ jkollha xi problemi ta’ viżjoni u tawha wkoll xi medikazzjoni. Il-Pulizija li stħarrġu l-każ u li marru jagħtu l-għajnjuna lil mara fejn dawn qalu li l-akkużat inqabad bl-għajnuna tas-CCTV cameras li jinsabu fl-inħawi ta’ fejn seħħ l-iniċident.
Huma qalu wkoll li meta Mifsud ġie mitkellem mill-Pulizija huwa ammetta li agredixxa lil mara. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg.
//= $special ?>