Il-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni – li kienet eletta fuq il-wiegħda li trażżan il-mewġa tal-immigranti lejn l-Italja – sostniet li l-Gvern tagħha għandu d-dover u obbligu biex iwaqqaf il-vjaġġi illegali lejn l-Ewropa u t-traġedji li qed jirriżultaw minnhom.
Dan meta l-gwardjani tal-kosta Taljani huma kważi konvinti li l-immigranti li (fl-aħħar tal-ġimgħa) tilfu ħajjithom fl-għarqa ta’ dgħajsa ‘il hinn mir-reġjun ta’ Kalabrija qabżu sew il-100.
Meloni, intant, esprimiet niket għall-imwiet ta’dawn l-immigranti li qalet ‘huma kollha tort tat-traffikanti tal-bnedmin responsabbli mill-azzjonijiet inumani biex jiggwadanjaw mit-tbatija ta’ ħaddieħor’.
Sar magħruf, issa, li l-vittmi tal-inċident, ftit ‘il barra minn bajja ta’ Crotone, jinkludu numru ta’ tfal, bl-iskwadri għall-emerġenza, fl-aħħar sigħat, jirkupraw aktar katavri mill-baħar . Sa issa hemm ikkonfermati 75 mejtin, iżda kollox qed jindika li n-numru għandu jkun ħafna akbar.
Jidher li d-dgħajsa kienet mgħobbija b’aktar minn 200 persuna — ħafna minnhom mill-Pakistan — u li din tkissret mal-blat waqt li kienet qed tipprova tasal sax-xatt ta’ Crotone. Fl-istess ħin, il-gwardjani tal-kosta għadhom qed ifittxu għall-immigranti rappurtati nieqsa, bl-awtoritajiet Taljani jieħdu ħsieb ukoll ir-rilokazzjoni tan-nies li ttellgħu ħajjin mill-baħar. Dawn l-immigranti, li qed ibatu minn trawma kbira qegħdin jinżammu temporanjament f’ċentru fil-belt ta’ Isola di Capo Rizzuto.
//= $special ?>