Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky qed ibassar li Vladimir Putin għandu jispiċċa ‘eliminat’ mill-membri taċ-ċirku ristrett tan-nies ta’ madwaru minħabba f’kif mexxa l-Gwerra fl-Ukrajna. Fil-fatt, Zelensky hu konvint li hi biss ‘kwistjoni ta’ żmien’ sakemm Putin jisfa maqtul mill-uffiċjali qrib tiegħu.
Il-Mexxej Ukren għamel dawn ir-rimkarki lid-dokumentarju ‘Year’ tal-ġurnalista Dmytro Komarov li qed ifakkar l-ewwel sena minn meta l-ewwel truppi u karrijiet armati tar-Russi qasmu l-fruntiera lejn l-Ukrajna.
Intant, Zelensky hu konvint li ‘se jasal iż-żmien meta l-fraġilità tar-reġim ta’ Putin jibda jinħass sew fir-Russja u ladarba dan iseħħ is-swaba kollha se jippuntaw lejn it-Tmexxija f’Moska’. Hu tenna wkoll li l-poplu Russu, minkejja li qed jappoġġja lil Putin ‘f’dan il-mument’ ‘il quddiem irid jirrealizza l-gwaj li hu daħħalhom fih ‘għall-vanaglorja tiegħu.’
Ftit taż-żmien ilu, il-gazzetta Amerikana Washington Post kienet irrappurtat li l-akbar Alleati ta’ Vladimir Putin jinsabu frustrati dwar l-iżviluppi tal-gwerra fl-Ukrajna, fost l-ispekulazzjoni li l-President Russu m’għandux pjan effettiv jew konkret għall-fażi li jmiss tal-konflitt.
Hu wkoll indikattiv li l-Belarus – l-alleat ewlieni ta’ Moska – qed iżomm lura milli jidħol fil-gwerra direttament fuq in-naħa tar-Russja u minkejja l-pressjoni kontinwa ta’ Putin fuq il-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko.
Fl-istess ħin, xi sorsi qrib is-servizzi sigrieti tal-Punent li kellmu lill-membri tal-elit f’Moska qalu li huma ma setgħux ibassru x’għandu jseħħ sal-aħħar ta’ din is-sena filwaqt li esprimew dubji ‘dwar kemm Putin jinsab f’kontroll tas-sitwazzjoni’.
//= $special ?>