Lokali Qorti

Mixli li ħebb għall-Pulizija u għamel ħsara fuq tliet karozzi

Somalu ta’ 19-il sena ġie mixli li ħebb għal numru ta’ Pulizija, li għamel ħsara fuq tliet karozzi, tnejn minn tas-servizz u li beda jhedded bil-kliem lill-istess uffiċjali tal-Pulizija u li anke waddab xi oġġetti fid-direzzjoni tagħhom. Għall-ewwel Faisal Arab Mohammed ammetta l-akkużi quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras iżda wara li l-Qorti nfurmatu li fost il-piena hemm dik ta’ multa, huwa ddeċieda li jirtira l-ammissjoni tiegħu.

L-allegat inċident seħħ nhar il-Ħadd li għadda bejn is-7am u s-7.30am quddiem l-Għassa ta’ San Ġiljan. L-Ispettur Zachary Zammit qal li waqt li Mohammed kien Paceville huwa avviċina Surġent tal-Pulizija u qallu l-kliem “arrest me”. Qal li beda jeċita ruħu u fuqu sabu żewġ qratas, wieħed minnhom kien cannabis. Il-Qorti hawn qalet li qartas huwa permissibbli skont il-liġi, bl-Ispettur Zammit jgħid li l-qartas l-ieħor kellu xi traċċi bojod u li ma kienx hemm ċertezza dwar x’kien.

L-Ispettur kompla jgħid li Mohammed baqa’ jeċita ruħu u pprova jitlaq u fil-frattemp beda joiffendi lill-Pulizija u jitkellem ħażin. Tenna li kif kienu qed jimxu bih lejn l-Għassa hu ta ġirja u baqa’ dieħel f’qasrija u weġġa f’wiċċu. Kien ukoll beda jirreżisti biex jidħol fil-karozza tas-servizz.

Il-Pulizija skopriet ukoll li l-qartas bl-abjad ma kien fih xejn irregolari. Għaldaqstant ġie rilaxxat, iżda hawn hu waddab il-boots lejn karozza tas-servizz u ‘head phones’ lejn Pulizija. Kompla li kif deher li kien ġej f’tiegħu u kien se jerġa’ jiġi rilaxxat, hu beda jallega li l-Pulizija ħadulu l- mobile u l-karitera, li mhuwa minnu xejn.

L-Ispettur Zammit qal li anke waddab landa taż-żibel lejn karozza tas-servizz li spiċċat ukoll laqtet karozza oħra. Bħala ħsara l-Pulizija qal li din kienet ta’ 703 ewro fuq iż-żewġ karozzi tal-Pulzija. Fuq il-karozza pajżana għax m’hemmx stima. Il-ħames akkużi li bihom ġie mixli Mohammed jinkludu wkoll li huwa ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u fixkilhom fil-qadi ta’ dmirijiethom. Ma saritx talba għal libertà proviżorja mill-Avukat David Bonello li deher għall-akkużat u għaldaqatant Faisal Arab Mohammed ittieħed lejn il-ħabs.