Lokali Qorti

Protest minn George Degiorgio kontra l-Prim Ministru fuq kummenti li għadda dwaru għax attenda magħmudija

George Degiorgio mill-Marsa u magħruf bħala “iċ-Ċiniż” li ammetta s-sehem fil-qtil tiegħu tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ppreżenta protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Primm Ministru Robert Abela fuq il-kummenti li għadda dwaru nhar il-Ħadd li għadda f’Ħal Għaxaq. Dan talli ngħata permess mill-Qorti u d-Direttur tal-ħabs jattendi magħmudija tat-tifla ta’ ibnu.

Huwa qal li kummenti bħal dawn jippreġudikawlu l-każijiet pendenti li għandu u dan meta fost min qara’ l-kummenti tiegħu jista’ jkun ġurat potenzjali fil-futur. Huwa qal li kienet tkun inġustizzja li kieku ma’ ngħatax ‘prison leave’ kif jingħataw priġunieri oħra għal dawn l-okkażjonijiet.

Fil-protest tiegħu Degiorgio ta’ 59 sena, li s-sena l-oħra ġie kundannat 40 sena ħabs fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qal li huwa qed jirreferi għal diversi kummenti kemm mill-Prim Ministru, li saru fuq il-media soċjali, diskorsi politiċi oħra u ġurnali. Qal li filwaqt li hu dritt sagrosant li jesprimi l-opinjoni tiegħu, f’dan il-każ partikolari ħafna kienu dawk li ppontifikaw dwar x’kellu jsir mit-talba tiegħu, meta fil-verità hija lil hinn minn dak li ngħad.

Tenna li hu għandu tliet każijiet oħra pendenti quddiem il-Qrati Maltin, u li l-ebda wieħed mhu deċiż definittivament. Tnejn jinsabu quddiem il-Qorti tal-Appell u ieħor quddiem il-Qorti Kriminali. Il-każ quddiem il-Qorti Kriminali, kien jeħtieġ li jkun hemm l-awtoriżazzjoni ta’ dik il-Qorti, li minn naħa tagħha ma sabet xejn fil-liġi li ma kienx iħallih milli jattendi għal tali funzjoni. Hija tat l-awtoriżazzjoni tagħha taħt diversi kundizzjonijiet stretti li kellhom jiġu segwiti, u li fil-fatt ġew segwiti.

Dwar il-Qorti tal-Appell, Degiorgio qal li huwa wkoll ippreżenta rikors għall-approvazzjoni, li ġiet milqugħa minn tliet Imħallfin, bid-deċiżjoni ta’ din il-Qorti tkun li deċiżjoni finali għandha tittieħed mid-Direttur għall-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi, li minn naħa tiegħu qagħad fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Qrati u tal-“Prison Leave Advisory Board”, li ma sab l-ebda ostaklu biex Degiorgio ikun jista’ jattendi għall-festin, bħal ma wara kollox jingħataw fuq bażi regolari priġunieri oħra, li jkollhom xi okkażjoni speċjali familjari.

Fil-protest tiegħu Degiorgio qal li kienet tkun inġustizzja u att ta’ diskriminazzjoni li kieku, mingħajr raġuni valida, bħal ma tkun imġieba ħażina fil-ħabs, huwa ma kienx jingħata awtoriżazzjoni biex jattenti għall-funzjoni. Għaldaqstant huwa qal li ma kien xejn f’waqtu l-kumment tal-Prim Ministru Robert Abela, li akkuża lill-Qrati Maltin b’deżiżjoni “insensittiva” li tibgħat messaġġ ħażin.

Dan kollu jgħid il-protest ħareġ mill-media bir-rapurtaġġ ħażin ta’ kif inhuma l-fatti tal-każ. Kif ingħad mill-Prim Ministru preċedentement, il-Qrati għandhom jitħallew jaħdmu b’mod seren u bla indħil dirett jew indirett, għaliex id-dover tal-Qorti mhuwiex li tingħoġob mal-massa skont kif immexxija mill-media, imma li tapplika l-ġustizzja fil-qafas tal-liġijiet Maltin.

Il-protest itemm jgħid li l-kummenti tal-Prim Ministru ċertament iħallu impatt serju u inġust fuq il-popolazzjoni li minn fostha għad iridu jintgħażlu l-ġurati fi proċeduri li għad iridu jinstemgħu, u dan b’detriment għall-ġustizzja tal-akkużat. Għalhekk Degiorgio qed jitlob li l-Prim Ministru jirtira l-kummenti li għamel mill-aktar fis possibbli nkella jirriserva li jieħu azzjoni ulterjuri. Il-protest kien iffirmat mill-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri.