Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li ttanta jisraq mobile u ħebb għal ‘taxi-driver’ meta kien fis-sakra

Pensjonant Ingliż ta’ 67 sena li kien għall-btala f’Malta u li kellu jitlaq nhar is-Sibt li għadda ġie kkundannat 15-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta li kellu xi jgħid ma’ sewwieq tat-taxi fejn kkaġunalu ġrieħi ħfief u li ttanta jisraqlu l-mobile.

Paul Johnson minn Stockport, Greater Manchester ammetta li wettaq dan ir-reat meta kien fis-sakra. Ironikament huwa qal lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li qabel ma sare pensjonant huwa kien jaħdem bħala ‘taxi-driver.’

L-inċident seħħ fil-lejl ta’ bejn nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda fil-ħinijiet ta’ bejn it-3am u l-5am fi Triq ir-Rizzi, San Pawl il-Baħar. Huwa ammetta li mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ persuna f’periklu ċar, ikkaġunalu ġrieħi ħfief.

Ammetta wkoll li kif fis-sakra u li ma kienx f’pożizzjoni li jieħu ħsieb tiegħu nniffsu u li kiser il-mistrieħ tan-nies. L-Ispettur Warren Galea qal li kien ix-xufier tat-taxi li għamel rapport lill-Pulizija fl-Għassa tal-Qawra dwar l-inċident fejn tant kemm Johnson kien fis-sakra, li hu stess ħalla l-mobile tiegħu fit-taxi.

Wara li l-Qorti tagħtu ċ-ċans biex jerġa’ jaħsibha fuq l-ammissjoni tiegħu, l-Ingliż ikkonferma l-ħtija tiegħu fejn kien imwissi fil-Qorti biex joqgħod attent u ma jerġax jikkommettti reat ieħor. Għalih deher l-Avukat David Bonello.