Lokali Qorti

10 xhur ħabs talli laqa’ għandu għodda misruqa u sar reċidiv

Raġel ta’ 45 sena, li għandu problema akuta ta’ droga u residenti Tal-Pietà ġie kkundannat 10 xhur ħabs mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li nstab ħati li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqin li jikkonsistu f’għodda u li sar reċidiv. Is-Surġent Matthew Parnis xehed illi fid-29 ta’ April, 2021 kienet marret persuna tagħmel rapport ta’ serq kif kien ghamel fl-1 ta’ April.

Dan kien qallu li ħabib tiegħu kien infurmah li xi hadd ipprova jbigħlu l-għodda li x’aktarx kienu nsterqu mingħandu u li din il-persuna kienet qed tagħmel uzu minn vettura li ta’ spiss tkun ipparkjata fi Triq Nażżarenu, l-Ħamrun u ġewwa garaxx li kellu bieb aħdar.

Jgħid illi meta mar fuq il-post sab lill-imputat Saviour Agius jaħsel din il-vettura li kienet tal-marka Volkswagen Passat u ra li fil-garaxx kien hemm xi għodda. Sussegwentement meta ġab xi ritratti li kien tah il-persuna li għamel ir-rapport tal-għodda tiegħu x-xhud ftakar li kien ra kaxxa simili ta’ dik li kien ra fil-garaxx tal-imputat.

Din kienet kaxxa sewda bil-manku oranġjo u li kien imdawwar b’tejp iswed. Jgħid illi l-Pulizija pproċedew biex arrestaw lill-imputat u elevaw l-għodda kollha li nstabu fil-garaxx fejn fost xi affarijiet il-vittma kien għaraf lil din il-kaxxa sewda bħala dik li kienet insterqitlu bil-kontenut tagħha.

Qal ukoll li dak misruq kellu ritratt ta’ kull biċċa għodda li kellu peress li preċedentement kien insteraq diversi drabi u għalhekk hadha prassi li jieħu ritratti biex ikollu prova. Ix-xhud ippreżenta wkoll rapport li juri l-affarijiet kollha li l-vittma irrapporta li  nsterqulu u cioè kaxxa tal-għodda, ‘cordless jigger’ (Ditta Hitachi), ‘Jigger Wire’ (Ditta Hitachi), ‘Cordless’ (Ditta Hitachi), ‘Ladders’ (x2) u ‘Vacuum Pump’.

Xehed ukoll il-vittma li kkonferma li s-serqa saret fl-1 ta’ April, 2021 fejn insterqu għodda mill-vann tiegħu. Ikkonferma wkoll illi sieħbu li jaħdmu flimkien kien mar qallu fuq il-persuna li pprova jbigħlu l-għodda. Ikkonferma li l-kaxxa bl-għodod kienet waħda mill-affarijiet misruqa. Jghid illi l-għodda kienu jiswew mill-inqas €3,500.

Ikkonferma wkoll li l-vann li minnu nsterqu l-ghodod għandu huwa Citroen Berlingo u l-vettura li kien biha l-ħalliel kienet Volkswagen Passat peress li kienet tidher minn fuq filmat li kien ġabar mill-camera tas-sigurtà tad-dar tiegħu. Il-Qorti semghet l-uffiċjal tal-Probation Annabel Bugeja li fuq talba tad-difiża giet nominata sabiex issegwi lill-imputat fuq Social Enquiry Report.

Din ikkonfermat illi l-imputat kien ilu bil-vizzju tad-droga minn mindu kien żgħir u tgħid illi għalkemm qatt ma gie djanjositkat hemm suspett li l-imputat ibati mill-kundizzjoni tal-ADHD.  Il-Qorti qalet li fuq reati ta’ serq jingħad illi l-grad ta’ prova rikjest mil-liġi kriminali ma giex milħuq u l-anqas ir-regola tal-prova ċirkostanzjali. Dan għaliex mill-provi prodotti ma ġiex ippruvat oltre’ d-dubju dettat mil-liġi li l-imputat Saviour Agius verament wettaq ir-reat ta’ serq li huwa mixli bih.

Fl-ewwel lok prova li setgħet tkun wahda importanti dik tal-filmat ma ġietx prodotta skont il-kriterji stabbiliti mil-liġi kriminali l-anqas inkwantu tar-regola tac-‘chain of evidence’. Dan għaliex dan il-filmat ġie estratt mill-parte civile stess u ppreżentat fil-proċduri permezz ta’ xhieda tiegħu iżda sussegwentement ma ġiex mitlub l-ebda espert biex jestratta hu stess dan il-filmat mill-apparat tas-sigurtà appartenenti lill-istess parte civile.

Ghalkemm sussegwentement ġie mitlub sabiex jigi nominat espert tal-informatika iżda dan sar biss biex joħroġ stills minn dak il-filmat li kien estratta l-parte civile li ċertament ma jistax jiġi ritenut bħala espert. Anke li kieku l-Qorti tirritjeni dawn l-istills bhala prova tajba xorta waħda ma jidhirx l-imputat jew xi vettura tieghu.

Finalment l-anqas ma kien hemm xi xhud okulari li li ra d-delitt iseħħ għaliex l-uniku xhud li ttellgħet il-prosekuzzjoni kien il-ħabib tal-parte civile li dan seta’ jidentifika lill-imputat bħala dak li pprova jbigħlu dawn l-oġġetti fejn huwa għaraf xi affarijiet appartenenti lill-parte civile.

Ghaldaqstant ir-reat ta’ serq certament ma ġiex ippruvat. Rigward ir-reat ta’ riċettazzjoni jingħad illi l-unika ħaġa     ċerta f’dawn il-proċeduri hu li l-imputat ġie misjub mill-Pulizija fil-pussess ta’ ċerti oġġetti li wara ġew identifikati mill-parte civile bħala li jappartjenu lilu f’parti minnhom.

Il-Qorti qalet li f’dawn il-proċeduri ħarġu ċerti fatti ċirkostanzjali illi jippreżumu illi l-akkużat seta’ faċilment kien jaf bil-provenjenza suspettuża ta’ dawn l-oġġetti. Fit-tieni lok l-imputat ma ta l-ebda spjegazzjoni l-għaliex hu kien instab fil-pussess ta’ dawk l-oġġetti anzi baqa’ sieket kif kellu kull dritt li jagħmel u jiċċita d-dritt tiegħu li ma jinkriminax ruħu.

Li kieku kellu spjegazzjoni valida u ma kellux x’jaħbi kien jgħid minn fejn kien ġabhom dawk l-oggetti. Fit-tielet lok ħareġ anke mir-rapport tal-Uffiċjal tal-Probation li l-imputat għandu problema akuta ta’ droga u għalhekk huwa jkollu bżonn li jkollu ‘cash flow’ tajba sabiex ikun jista’ jmantni l-vizzju tiegħu.

Fl-aħħar lok il-fedina penali tal-imputat hija waħda kkulurita ħafna u kemm-il darba kien ġie kkundannat għar-reati ta’ serq u oħrajn konnessi mad-droga. Saviour Agius instab ħati biss ta’ riċetazzjoni. L-Ispettur Roderick Attard mexxa l-Prosekuzzjoni.