Futbol Sport

Bjorn Vassallo f’laqgħa bilaterali mal-President tal-FIFA, Gianni Infantino

Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, it-Tnejn iltaqa’ mal-President tal-FIFA, Gianni Infantino, fil-kapitali Franċiża, Pariġi.

Il-laqgħa, li kienet skedata fl-aħħar jiem, serviet biex Vassallo spjega dwar il-progress tal-futbol Malti fil-preżent, fejn tkellem dwar il-proġetti li bħalissa qed taħdem fuqhom l-MFA fosthom ir-rinnovazzjoni tal-faċilitajiet sportivi u l-bini taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Futbol f’Ta’ Qali. Min-naħa tiegħu, il-president tal-FIFA, Infantino tkellem dwar il-programm ta’ żvilupp tal-FIFA Forward 3.0 li wasal fit-tielet edizzjoni tiegħu u li se jkopri ċ-ċiklu 2023 sal-2026.

Permezz ta’ dan il-programm, l-MFA qed tinvesti direttament fi proġetti tekniċi, fil-kompetizzjonijiet domestiċi kemm tal-klabbs kif ukoll tal-assoċjazzjonijiet membri u fl-infrastruttura sportiva.

Waqt il-laqgħa saret ukoll diskussjoni dwar il-mandat il-ġdid tal-President Infantino li mistenni jerġa’ jiġi elett fis-16 ta’ Marzu, għal erba’ snin oħra u dwar l-importanza li l-FIFA tkompli taħdem b’mod attiv fuq id-dinjità inerenti u d-drittijiet ugwali fl-attivitajiet tal-futbol, ​​sabiex il-futbol ikun dejjem aktar aċċessibbli u miftuħ għal kulħadd. Infantino awgura lil President tal-MFA aktar ħidma favur il-futbol Malti u offrielu s-sostenn tiegħu għall-futur.