Lokali

Fil-periklu tal-mewt wara li tilef il-kontroll tal-mutur f’Tal-Pietà

Raġel li l-identità tiegħu mhux magħrufa qed jissielet għall-ħajtu wara li tilef il-kontroll tal-mutur li kien qiegħed isuq.

L-inċident seħħ it-Tlieta waranofsinhar għall-ħabta tas-2:30 fi Triq il-Marina, Tal-Pietà.

Il-Pulizija marret fil-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel kien qiegħed isuq mutur tal-għamla Yamaha, tilef il-kontroll u ħabat fil-barrikati tat-triq.

Huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku filwaqt li ttieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura.

Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li weġġa serjament u li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.