Lokali Qorti

Ħabs fuq eroina li nstabet fuqu fit-Taqsima Forensika ta’ l-isptar

Dylan Degiorgio ta’ 29 sena mill-Fgura ġie kundannat seba’ xhur ħabs u mmultatr €900 wara li nstab ħati li fl-2016 kellu l-eroina. Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, semgħet lill-Prosekuzzjoni tispjega kif l-imputat inqabad bid-droga fis-17 ta’ Marzu ta’ seba’ snin ilu fit-Taqsima Forensika fl-Isptar Monte Carmeli. 

Dakinhar, fiċ-ċella nstabulu “qisu pajp, lighter u biċċa foil.” L-Ispettur Sandra Zammit spjegat li Degiorgio ittieħed mill-ewwel fl-uffiċċju tal-Maġġur li qabdu bid-droga. Ingħad, li hemmhekk, huwa kien aggressiv, tant li fost l-oħrajn beda jidgħi quddiem it-tabiba u faqa’ l-bieb tat-toilet biswit l-uffiċċju b’daqqa ta’ ponn.

Min-naħa tiegħu, l-imputat iġġustifika ruħu billi qal li f’dawk il-jiem kien għaddej minn żmien ħażin u sab ruħu mad-droga. Degiorgio nstab ħati li b’dak li wettaq irrenda ruħu reċidiv. Għall-fini ta’ piena, il-Qorti qieset fost oħrajn ix-xhieda tal-Uffiċjal tal-Probation Rona Agius Custo li kienet qed issegwi lill-imputat fuq Ordni ta’ Trattament mogħtija fi Frar tal-istess sena u dan fid-dawl tal-vizzju tad-droga tal-istess imputat.

Qalet li kienet issegwih ukoll qabel, mis-sena 2015, u illi rat “ftit bidla” fih u dan fis-sens illi l-attitudni tiegħu kienet kemmxejn aħjar u kien qed jikkopera iżjed, iżda baqgħet il-preokkupazzjoni illi huwa ma jerfax ir-responsabbiltaˋ ta’ għemilu. Għalkemm l-imġieba tiegħu fil-ħabs, fejn kien qed jinżamm fiż-żmien ta’ din ix-xhieda, kienet aħjar, kien involut f’żewġ inċidenti, b’riżultat ta’ liema kien qed jinżamm f’Diviżjoni 6.

Qalet ukoll illi kienet qed tiġi esplorata l-possibilità li l-imputat jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni, għalkemm sakemm inqala’ l-aħħar inċident ġewwa l-ħabs, din qatt ma kienet ix-xewqa tal-imputat. Minn din ix-xhieda, jirriżulta għalhekk illi l-imputat baqa’ fil-vizzju tad-droga u ma għamel xejn sabiex jirrijabilita ruħu minn dan il-vizzju.

Għalkemm skont l-Uffiċjal tal-Probation kien hemm xi tibdil fl-attitudni tiegħu, jidher illi din ma kinitx biżżejjed sabiex l-imputat jirriforma ruħu u jżomm il-bogħod mill-kriminalità u mill-ħabs. Dylan Degiorgio ma nstabx ħati għall-insulti fil-konfront tal-Maġġur George Mallia. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sandra Zammit.