Ryan Callus, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal fil-parlament li l-Bank of Valletta (BOV) issa jrid jara kif se jirkupra self ta’ €36 miljun li ta lil Steward u li għamel tajjeb għalih il-gvern.
Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li l-kuntratt tal-isptarijiet ma kienx żball għaliex il-kuntratt kien frodolenti, li hu att kriminali mwettaq mill-kriminali. Min jgħatti lill-kriminali jsir parti mis-sistema tal-korruzzjoni, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-kuntratt tal-isptarijiet kien korruzzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern jinsab f’ħofra u seta’ ammetta b’umiltà l-ħadma li daħal fiha l-poplu Malti.
Hu qal li d-deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li hu kuntent li d-deputat Nazzjonalista Adrian Delia rebaħ il-kawża kontra Vitals u Steward. Dan meta Chris Fearne stess kien qal li l-kuntratt ma’ Steward kien “the real deal”, sostna d-deputat Nazzjonalista li din kienet ammissjoni li l-ftehim ma’ Vitals kien falz.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li issa Chris Fearne stess qed jgħid li hu kuntent li the real deal tħassar. Din hi konvenjenza politika, sostna Ryan Callus, li kompla li Chris Fearne qal ukoll li imnalla ma twaqqafx il-kuntratt qabel intemmet il-akża għaliex kieku l-poplu kien ikollu jħallas €100 miljun lil Steward. Din hi konferma li Konrad Mizzi iffirma kuntratt minn taħt ma’ Steward dwar il-€100 miljun.
Hu qal li l-PL hu l-lagħqa tal-barranin waqt li l-PN hu l-partit tal-Maltin u sostna li Gvern Nazzjonalista kien jiġġieled il-kuntratt tal-€100 miljun. Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Ministru tal-Finanzi ma semmiex il-fatt li l-Vitals kisbet self ta’ €36 miljun mill-BOV li għalih il-gvern għamel garanzija. Jirriżulta li f’dawn il-kuntratti l-gvern għamel tajjeb għal Steward. Il-gvern u Steward qablu li l-gvern jassumu fuqu d-djun jekk il-kuntratti jkunu mħasssra jew ikkanċellati.
Ryan Callus qal li l-BOV għandu jispjega kif il-Bank ta dawn il-miljuni f’kutratt li hu dikjarat null u kuntratt ta’ frodi. Dan il-Bank hu taħt l-iskrutniju tal-MFSA u tal-FIAU iżda lanqas dawn għadhom ma tkellmu.
Hi biss il-qorti li qed taħdem għaliex l-istituzzjonijiet l-oħra huma maħtufa, sostna Ryan Callus, li kompla li l-BOV ta dan is-self bla ma sar due diligence. Kif il-gvern daħal garanti għal dan is-self? Min se jagħmel tajjeb għal dawn is-€36 miljun? Jekk iħallashom il-gvern allura dawn ikunu qed jitħallsu mit-taxxi tal-poplu.
Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus kompla li l-pulizija ma wettqitx l-arresti ta’ dawn il-kriminali l-kbar involuti f’din il-korruzzjoni. Hu staqsa x’se jagħmlu l-azzjonisti u l-klijenti tal-BOV jekk il-BOV ma jirkuprax dawn is-€36 miljun. Min se jerfa’ r-responsabbiltà?
Ryan Callus qal li l-gvern se jieħu l-isptarijiet lura għax hekk ordnat il-qorti u mhux mertu tal-gvern. Hu sostna li Malta għandha tattira investituri ta’ veru mhux bħal Vitals u Steward, għax dawn huma frodisti.
Hu qal li issa d-domanda tan-nies hi dwar kif se jinġiebu lura t-€300 miljun li nsterqu lill-poplu.
//= $special ?>