Lokali Parlament

Il-fatti stabbiliti mill-qorti fl-iskandlu tal-isptarijiet ilhom magħrufa

Ivan J.Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan J.Bartolo qal fil-parlament li l-fatti stabbiliti mill-qorti fl-iskandlu tal-isptarijiet ilhom magħrufa u issa l-poplu qed jistenna li l-gvern iġib lura t-€300 miljun li sewa dan il-proġett.

Ivan J.Bartolo qal li kien il-gvern li daħħal lil Malta fil-lista l-griża li għamel ħsara lill-investiment barrani f’Malta. Hu spjega kif bħalissa bla dubju Steward qed jiddiskutu jekk hemmx mezz ta’ attakk fuq Malta minħabba l-ftehim ta’ 30 sena li l-gvern Malti kien għamel magħhom.

Ivan J.Bartolo qal li l-gvern għandu jgħid min hu responsabbli għall-kuntratti tal-isptarijiet u sostna li jekk hemm deputati li m’humiex korrotti allura huma inkonpetenti. Il-fatti stabbiliti mill-qorti ilhom magħrufa, sostna Ivan J.Bartolo, li l-poplu għandu jieħu t-€300 miljun lura.

L-iżvilupp sostenibbli hu prinċipju organizzattiv, sostna Ivan J.Bartolo, li tkellem dwar l-iżvilupp tal-popolazzjoni u kompla li l-popolazzjoni kibret b’100,000 fl-aħħar 10 snin. Dan hu l-mudell ekonomiku li dan il-pajjiż għandu wara li għamlu l-gvern Malti.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li dan il-mudell kellu effetti negattivi fuq diversi setturi tal-pajjiż fosthom fuq l-infrasrtruttura, fuq is-saħħa, fuq il-kriminalità u fuq it-toroq. Hu sostna li fis-settur tal-iskart hemm problemi kbar għax m’hemmx pjan. Settur ieħor milqut min-nuqqas ta’ ippjanar hu dak tal-enerġija fejn it-tanker tal-gass mhux sostenibbli għaliex meta jkun hawn il-maltemp tieqaf il-power station.

Id-deputat Nazzjonalista qal li hawn lokalitajiet turistiċi li huma milquta minn problemi ta’ żbroff ta’ drenaġġ. Problema oħra hi l-produzzjoni tal-ilma. Fit-traffiku, n-nuqqas ta’ ippjanar qed iwassal għal inċidenti ta’ kuljum li qed iwasslu għall-mewt. It-traffiku qd iwassal għal żieda fil-frustrazzjoni u problemi ta’ tniġġiż fl-arja bl-emissjonijiet.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-barranin qed iġibu wkoll kulturi differenti fosthom fit-traffiku. Il-pajjiż għandu jagħmel tnaqqis fit-taxxa għal min imur ix-xogħol bir-rota kif isir f’pajjiżi barranin. Jeħtieġ ukoll ippjanar fit-traffiku u sostenibbiltà fl-edukazzjoni, fejn l-għalliema għandhom ikunu rikonoxxuti billi l-pagi tagħhom jkunu mtejba. Dan biex iż-żgħażagħ jagħżlu din il-professjoni.

Ivan J.Bartolo tkellem dwar is-settur tad-djar u qal li f’San Ġiljan jinbnew l-appartamenti li jinbiegħu €1.5 miljun iżda li fil-parkeġġi tagħhom qed jispiċċaw jorqdu n-nies li m’għandhomx dar. Dan minħabba li r-renti huma ogħlja wisq. Il-prezz medja ta’ propjetà hi €300,000 iżda dawn il-prezzijiet m’humiex sostenibbli meta mqabbla mal-paga medja.

Id-deputat Nazzjonalista ppropona li jsiru qrati virtwali biex tibda tissolva l-problema li hemm fil-qorti fosthom dik tad-dewmien fil-qrati. Hu qal li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ħabs għandhom jaħdmu bis-serjetà. Jeħtieġ li l-pajjiż jagħmel rapport dwar l-attitudni, sostna d-deputat Nazzjonalista, li appella lill-politiċi biex ibiddlu l-attitudni u jieħdu d-deċiżjonijiet iebsin.

Ivan J.Bartolo semma’ d-dififkultajiet li hemm f’Mater Dei fejn pazjenti jdumu jistennew is-siegħat fl-Emerġenza.