It-Tnejn filgħaxija kien imiss lill-Ministru responsabbli mill-Ħabs li jitfa’ l-ħtija fuq il-Qorti.. li kienet hi li ddeċidiet li George Degiorgio jitħalla joħroġ mill-Ħabs biex jattendi festin tal-Magħmudija bil-Ministru isejħilha deċiżjoni insensittiva.
Iżda li nesa jsemmi l-Ministru hu l-fatt li kien id-Direttur tal-Ħabs.. bil-barka tiegħu stess… li ħa d-deċiżjoni finali biex Degiorgio, il-qattiel tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jitħalla joħroġ mill-Ħabs għal ftit sigħat biex jattendi festin tal-familja.
Il-Ħadd li għadda f’Ħal Għaxaq, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll tefa’ l-ħtija fuq il-Qrati.
Dawn kienu l-fatti kif seħħew…. il-Qorti tal-Appell, ippreseduta minn tliet imħallfin, kienet laqgħet żewġ rikorsi li kienu saru minn George Degiorgio biex joħroġ mill-ħabs u jattendi festin tal-magħmudija ta’ membru tal-familja tiegħu iżda dejjem skont id-diskrezzjoni tad-Direttur tal-Ħabs jekk jitħalliex jingħata l-prison leave jew le.
Dan ifisser li l-Qorti tal-Appell filwaqt li ma kinitx ċaħdet lil George Degiorgio milli jmur il-festin, kienet għamlitha ċara li d-deċiżjoni finali għandha tittieħed mid-Direttur tal-Ħabs li preżentament huwa Chris Siegersma.
F’dawn ir-rikorsi li saru quddiem l-Imħallef Edwina Grima kien hemm oġġezzjoni mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali u għalhekk dan il-każ spiċċa quddiem il-Qorti tal-Appell Krimnali li ma sabux oġġezzjoni. Iżda huma, bl-aktar mod ċar saħqu li kellu jkun id-Direttur tal-Ħabs li jiddeċiedi jekk George Degiorgio jitħalliex imur.
Barra minn hekk, fil-liġi Maltija jingħad ċar u tond li l-permess sabiex priġunier jitħalla joħroġ huwa f’idejn id-Direttur tal-Ħabs fuq direzzjoni tal-Ministru responsabbli…f’dan il-każ il-Ministru Byron Camilleri.