Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Ir-reżistenza f’Bakhmut saret aktar ikkumplikata fost l-avvanzi tar-Russi

Is-sitwazzjoni fil-belt industrijali ta’ Bakhmut saret aktar diffiċli u kumplikata għas-suldati Ukreni li qed jiddefendu l-inħawi kontra l-attakki u inkursjonijiet tal-Armata Russa.

Dan żvelah il-President Ukren Volodymyr Zelensky meta tkellem dwar is-sitwazzjoni attwali fil-belt li għandha importanza kbira minn aspett strateġiku għall-qawwiet tal-Ukrajna kif ukoll għall-Magna tal-Gwerra tal-President Russu Vladimir Putin.

Il-qawwiet Russi ilhom l-aħħar sitt xhur jiġġieldu biex jieħdu Bakhmut u fejn qegħdin jitilfu ammonti ‘terribbli’ ta’ suldati kalkulati mal-mijiet kuljum.

Iżda l-battalja saret waħda ddisprata għad-difensuri Ukreni li qed jirreżistu mis-subborgi ta’ Bakhmut quddiem il-qilla tal-Armata Russa. Dan meta t-truppi ta’ Putin qed jeqirdu kull bini u stallazzjoni li l-Ukreni jistgħu jużaw biex jiddefendu l-pożizzjonijiet tagħhom.

Il-battalja għal Bakhmut kapaċi jkollha konsegwenzi sinifikanti għall-gwerra fl-Ukrajna li għalqet sena fl-24 ta’ Frar. Dan meta rebħa għar-Russi f’Bakhmut kapaċi tfisser l-għeluq tal-aċċessi minfejn qegħdin jaslu l-provvisti u r-reinforzi lis-suldati Ukreni fil-madwar tal-belt u f’zoni oħra lejn il-lvant tal-Ukrajna.

Il-konflitt għall-kontroll ta’ Bakhmut – fir-reġjun ta’ Donetsk —  irriżulta fl-aktar ġlied imdemmi mill-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna mill-Armata tal-Kremlin. Dan meta Donetsk jinsab taħt il-kontroll tar-Russi u l-alleati separatisti tagħhom, bil-belt ta’ Bakhmut tissemma fost ‘l-aħħar fortizzi ewlenin’ tat-truppi ta’ Zelensky fir-reġjun.

Intant, l-isforzi tal-qawwiet Russi biex jieħdu Bakhmut f’idejhom intensifikaw u jidher li huma – bl-għajnuna tal-grupp tal-merċenarji Wagner – għamlu xi avvanzi lejn iċ-ċentru tal-belt mill-bidu tal-ġimgħa ‘il hawn.

Min-naħa tiegħu, Denis Pushilin, il-Kap separatista tal-hekk-imsejħa Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk ( li mhix rikonoxxutas mill-Punent) qal li ‘r-Russi prattikament qed jikkontrollaw it-toroq kollha lejn Bakhmut’. Dan waqt li l-Ġeneral Oleksandr Syrskyi, li jikkmanda lill-qawwiet tal-art tal-Ukrajna, ammetta li s-sitwazzjoni f’Bakhmut qed tqanqal tensjoni kbira għall-Ukreni.

Minkejja li r-Russi qed jitilfu dejjem aktar suldati ma kull siegħa li tgħaddi, hemm possibbiltà li huma, flimkien mal-ġellieda tal-Wagner (li hi l-Armata personali ta’ Vladimir Putin) jistgħu huma eqreb li jirrealizzaw it-tragwardi tagħhom – f’dan il-każ, li jiċċirkondaw Bakhmut għal kollox qabel jeliminaw ir-reżistenza tal-Ukreni fil-qalba tal-belt.