L-Istati Uniti qed titlob biex l-awtoritajiet Messikani jestradixxu wieħed minn ulied Joaquin ‘El Chapo’ Guzman, li hu fost l-akbar traffikanti tad-droga fl-istorja moderna tal-Messiku u li bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ ħabs għal għomru fl-Istat Amerikan ta’ Colorado.
Ovidio Guzman kien arrestat fl-Istat ta’ Sinaloa, fil-5 ta’ Jannar u meta hu suspettat li, flimkien ma’ ħuh, kien qed imexxi l-grupp Sinaloa għat-traffikar tad-droga li kien waqqaf missieru. L-iben ta’ ‘El Chapo’, fl-istess ħin, qed ikun akkużat ukoll b’li ordna l-qtil ta’ kantant għaliex dan irrifjuta li jkanta waqt it-tieġ tal-istess Ovidio Guzman.
Intant, il-Gvern Messikan ikkonferma li l-awtoritajiet Amerikani talbuh uffiċjalment biex Ovidio Guzman ikun estradit ħalli jgħaddi ġuri fl-Istati Uniti.
Ovidio Guzman kien spiċċa arrestat waqt rejd tal-pulizija fuq dar li serviet bħala moħba għal dan il-kriminali u li tinsab fil-limiti ta’ Culiacan. L-arrest kien irriżulta fi sparatura twila bejn il-pulizija u l-membri tal-‘cartel’ ta’ Guzman u li fiha kienu mietu mat-30 persuna. Guzman, imbagħad, kien twassal minn hemmhekk, b’ħelikopter, lejn il-Belt tal-Messiku.
//= $special ?>