Il-Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta u Rota għadhom kif bagħtu t-tieni ittra miftuħa lill-Ministru tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Dr Aaron Farrugia; lill-Kap Eżekuttiv tat-Transport Malta Brigadier Jeffrey Curmi u lill-Kap Eżekuttiv tal-Infrastructure Malta is-Sur Ivan Falzon, sabiex itennu l-bżonn immedjat li terġa’ tiġi ddiżinjata Triq Sir Temi Żammit fl-Imġarr, bl-għan li tiġi inkluża korsija tar-roti iktar sigura u segregata. Dan wara li l-ewwel ittra li ntbagħtet il-15 ta’ Frar, wara ħabta bejn karozza u ċiklist fil-korsija tar-roti preżenti, baqgħet ma ntweġbitx.
L-organizzazzjonijiet qed jinsistu li l-hekk imsejjaħ ‘safety-upgrade’ li ngħatat it-triq fl-2021 għamlet aktar ħsara milli ġid. Dan għaliex it-triq saret inqas sigura għal persuni li jużaw mezzi diversi ta’ trasport. Mill-inawgurazzjoni ‘l hawn, it-triq ta’ spiss ġiet ikkritikata għall-korsija tar-roti tant perikoluża li ma tistax tintuża. Saħansitra, is-sajf li għadda, il-Ministru Aaron Farrugia kien mitlub jiddiżinja mill-ġdid it-triq wara li żewġ karozzi ħabtu fl-istess korsija.
Matul l-aħħar xhur, it-tliet organizzazzjonijiet ħadmu sabiex iqajmu l-għarfien tal-pubbliku fuq il-bżonn immedjat li l-infrastruttura tat-trasport f’Malta tinbidel. Dan bl-għan li jkollna infrastruttura iktar inklussiva, effiċjenti u sigura għan-nies li jagħżlu li jużaw mezzi alternattivi tat-trasport (bħar-rota u l-mixi) u t-trasport pubbliku. Sal-lum, ir-risposta tal-awtoritajiet iffukat fuq ix-xogħol li sar mill-Ministeru fir-rigward ta’ dokumenti strategiċi bħar-’Road Safety Strategy’. Madanakollu, dawn id-dokumenti jitilfu s-sħiħ għar-riħ. L-ippublikar ta’ strateġiji mhuwiex biżżejjed, speċjalment meta dak li naraw b’għajnejna kuljum – bħat-twessigħ tat-toroq, il-bini ta’ ‘overpasses’, in-nuqqas ta’ bankini u l-infrastruttura perikoluża għal min isuq ir-rota – qed ikompli joħloq iktar dipendenza fuq il-karozzi għad-detriment tal-mezzi tat-trasport l-oħra. Dawn il-mezzi alternattivi huma ta’ benefiċċju għas-saħħa, iktar sostenibbli, jirriżultaw f’koeżjoni soċjali, u għal parti sostanzjali mis-soċjeta’ huma l-unika mezz indipendenti possibbli, għal raġunijiet ta’ età, kapaċita’, jew finanzi.
In-nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet qed iwassal għar-rata ikbar ta’ korrimenti u mwiet fit-toroq tagħna. Studju riċenti jiġbed l-attenzjoni fuq kif din is-sistema infrastrutturali li qed jimbuttaw il-politiċi tagħna hija l-kawża ta’ ansjetà għall-maġġoranza tal-popolazzjoni Maltija. In-nuqqas ta’ azzjoni mill-ministeru fil-konfront ta’ progetti inadegwati li saru fil-passat qed jaffettwa saħħet u ħajjet in-nies. Per eżempju, l-inċident li seħħ iktar kmieni dax-xahar bejn karozza u ċiklist fi Triq Sir Temi Zammit seta’ kien evitat faċilment, kieku Infrastructure Malta iddeċidiet li tiddiżinja t-triq mill-ġdid fuq it-talba b’saħħitha li kienet saret mill-pubbliku.
B’hekk, għal darb’oħra, l-organizzazzjonijiet qed jerġgħu jsostnu t-talbiet li għamlu l-ġimgħa l-oħra: li b’mod urġenti jibda l-proċess għad-diżinn mill-ġdid ta’ Triq Sir Temi Żammit, u li jiġi ppubblikat dokument ta’ politika li jkun jorbot legalment. Dan għandu jinkludi standards nazzjonali fuq l-infrastruttura tar-roti u l-mixi, ibbażati fuq l-ogħla standards internazzjonali, sabiex ikun hemm ċertezza li fil-futur il-fondi publiċi ma jinħlewx fuq l-iżvilupp ta’ infrastruttura inferjuri u perikoluża.
//= $special ?>