Lokali

“Il-PBS ma jistax jibqa’ maħtuf minn Kastilja”

Il-PBS irid juri li hu bilanċjat, u mhux żbilanċjat, iżda kif qed jidhru l-affarjiet, huwa evidenti li l-PBS huwa kkontrollat u maħtuf minn Kastilja.  

Hekk tenna l-editorjal ta’ The Malta Independent fejn ta ħarsa lejn id-deċiżjoni li ngħatat mill-Qorti, fejn ġie konfermat li l-PBS wettaq żbilanċ u li l-Awtorità tax-Xandir ma ħaditx azzjoni fil-konfront tan-nuqqas ta’ bilanċ.

L-editorjal qal li l-istazzjon Nazzjonali m’għandux iħares li jiffavorixxi Partit wieħed. Ġie sostnut li l-PBS għandu jkun ix-xandar indipendenti, li jwassal l-aħbar, kif inhi.

L-artiklu ssokta li l-ebda Partit fil-Gvern m’għandu jkollu monopolju fuq l-istazzjon Nazzjonali, u fakkar li  l-PBS qed jiffunzjona mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi u għalhekk importanti li jkun hemm bilanċ.

L-editur tal-gazzetta qal li din il-materja tal-imparzjalità ilha għaddejja għal numru ta’ xhur u li l-istazzjon Nazzjonali għandu jagħmel mill-aħjar biex jagħmel xogħlu kif suppost, li jkun indipendenti.

It-Tnejn il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony  Ellul mhux biss ikkonfermat sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li kienet laqgħet talba tal-PN u ddikjarat li l-Awtorità tax-Xandir naqset milli tassikura li tinżamm imparzjalità dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika, imma żidiet il-ħlas ta’ danni minn €1,500 għal €5,000. Ikkonfermata wkoll li l-Awtorità tax-Xandir m’aġġixxitx b’ħeffa meta x-Xandir Nazzjonali għal żmien konsiderevoli naqas li jobdi l-ordni tiegħu fil-każ tax-xandira dwar il-flyover tal-Marsa.