Lokali Qorti

Il-Pulizija tgħid fil-Qorti kif żammet raġel milli jagħti bis-sikkina lil ħuh

Raġel inżamm arrestat wara li fil-Qorti ntqal kif kien ħareġ sikkina għal ħuh, waqt li kien fil-preżenza ta’ uffiċjali tal-Pulizija li sussegwentement sabu l-cannabis kemm fuq il-persuna tiegħu kif ukoll fir-residenza tiegħu. Jeffrey Schembri ta’ 35 sena miż-Żejtun tressaq quddiem il-Maġistrat Victor Axiak mill-Ispetturi Omar Zammit u Jonathan Cassar.

Schembri ġie mixli li attakka lil ħuh, heddu u kkaġunalu biża’ li se tintuża l-vjolenza kontrih. L-imputat ġie mixli wkoll li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr il-permess meħtieġ tal-pulizija u li kiser il-paċi pubblika. Huwa kien akkużat ukoll li kkultiva illeċitament pjanti tal-cannabis u li sar reċediv.

L-Ispettur Zammit qal lill-Qorti kif nhar it-Tnejn, l-Għassa taż-Żejtun kienet irċeviet rapport ta’ ġlieda li kienet qed issir fit-triq. Uffiċjali mibgħuta fuq il-post kienu sabu lil Jeffrey Schembri jargumenta ma’ ħuh Christopher fuq kwistjoni relatata mal-wirt.

“F’ħin minnhom,” qal l-ispettur, “Jeffrey ħareġ sikkina b’xafra ta’ aktar minn 8 ċm tul u pprova jattakka lil ħuh biha.” Huwa ġie mrażżan mill-Pulizija qabel ma setgħu isiru xi ġrieħi. Wara li Schembri ġie arrestat, il-Pulizija skoprew li kien qed iġorr 28 gramma marijuana fuq il-persuna tiegħu.

Fi tfittxija fir-residenza tiegħu skoprew aktar 14-il pjanta żgħira tal-cannabis. Kontro-eżaminat mill-avukat ta’ Schembri Matthew Xuereb l-Ispettur ikkonferma li ħu l-akkużat kien ta verżjoni tal-ġrajjiet differenti minn dik imressqa mill-akkużat.

L-avukat sostna li l-klijent tiegħu “lanqas kien jaf li kien arrestat,” iżda dan immedjatament ġie kontradett mill-Ispettur, li qal lill-Qorti li Schembri kien qal ir-raġunijiet għall-arrest tiegħu immedjatament malli ġie mrażżan u mbagħad ingħata din informazzjoni mill-ġdid fil-lockup tal-Pulizija, fejn kien ukoll infurmat dwar id-droga skoperta fil-pussess tiegħu.

L-Avukat Xuereb qal lill-Qorti li l-akkużat kien ta’ spiss jirrapporta lil ħuh lill-Pulizija, u staqsa lill-Ispettur għaliex l-Avukat Ġenerali talab l-arrest tal-klijent tiegħu fuq il-bażi ta’ “ftit pjanti mkissra”. L-Ispettur Zammit wieġeb li din kienet mistoqsija li l-Avukat Ġenerali biss seta’ jwieġeb.

Schembri wieġeb mhux ħati u ntalab il-ħelsien mill-arrest. “Jekk nieħdu d-droga mill-ekwazzjoni, li l-evidenza kollha tindika li hija għall-użu tiegħu stess, ir-reati li huwa akkużat bihom jiġu ttrattati l-aktar fi proċeduri sommarji,” issottomettiet id-difiża, u żiedet li kien l-imputat. li kien talab l-assistenza tal-Pulizija.

“Iva, hemm problemi ta’ ġlied fil-familja iżda ommu hi preżenti fl-awla u tiggarantixxi għalih,” issottomea l-avukat. Ħu l-akkużat ma kienx weġġa’ fl-attakk, ikkonferma l-Ispettur. L-inċident kien seħħ ukoll fil-preżenza tal-Pulizija, qal l-Ispettur, u ddeskriva l-verżjoni tal-avvenimenti tal-akkużat bħala li kienet “kemmxejn konfuża.”

Fil-Qorti ngħad li l-Pulizija kienet għadha ma bdietx tinvestiga lill-ħuh, peress li l-ilment kriminali li jitlob l-investigazzjoni kien ġie ppreżentat biss it-Tlieta filgħodu. Iżda wara li l-Qorti semgħet l-oġġezzjonijiet tal-Prosekuzzjoni għall-ħelsien mill-arrest, li kienu jinkludu l-fatt li l-vittma u l-imputat kienu jgħixu “kważi maġenb” xulxin, ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.

żIl-Maġistrat Axiak spjega li ma kienx konvint li l-akkużat ikun jista’ jħares il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja, li bilfors jinkludu li ma jersaqx lix-xhieda tal-Prosekuzzjoni.