Sorsi infurmati fil-jiem li għaddew iltaqgħu ma’ Il-Mument u żvelaw magħna festin kbir tal-Milied ’22 li kien organizzat f’Jannar li għadda mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa.
Dan il-festin, li għalih jidher li nħarġu flus mill-istess Baġit tal-Ministeru tas-Saħħa, jidher li kien organizzat kontra d-direttiva li tinħareġ mill-Kap taċ-Ċivil fis-sens li m’għandhomx ikunu organizzati festini, parties u riċevimenti li għalihom jagħmel tajjeb il-Baġit taċ-Ċivil.
Kollox jindika iżda li Joseph Chetcuti, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa, mar kontro-kurrent u ħareġ stedina interna u anki esterna lil terzi mill-Ministeru tas-Saħħa jew minn Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tas-Saħħa, biex jattendu għal dan l-‘Annual Get Together’.
Fil-fatt is-sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument għaddewlna wkoll kopja tal-istedina li ntbagħtet mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Joseph Chetcuti.
L-‘Annual Get Together’ kien oganizzat f’Magazine Hall fil-Valletta Water Front nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Jannar, 2023 u għalih l-attendenza kienet waħda numeruża… inklużi rjus kbar jew li jaħsbu li huma kbar!
Mhux magħruf id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne hux konxju minn dan l-‘Annual Get Together’ u jekk tax l-approvazzjoni tiegħu għalih.
Issa li qed tkun qed tinħareġ fil-pubbliku din l-istorja wieħed jistenna x’passi se jkunu qed jittieħdu dwar l-organizzazzjoni ta’ dan il-festin tal-Milied li għalih ħallas il-poplu mit-taxxi tiegħu.
//= $special ?>