Internazzjonali

It-Turkija: Il-poplu jbati t-trawma mis-sensiela tat-terremoti

L-Awtorità fit-Turkija li tieħu ħsieb ir-reazzjonijiet għall-Emerġenzi u d-Diżastri Naturali qalet li nħassu ‘il fuq minn 10,000 theżżiż tal-art ‘sekondarji’ mindu l-pajjiż intlaqat miż-żewġ terremoti kbar tas-6 ta’ Frar li ħallew l-għexieren tal-eluf tal-mejtin u midruba fl-inħawi kif ukoll fis-Sirja.

Intant, l-effett tat-terremoti storiċi u l-hekk-imsejħa ‘aftershocks’ sussegwenti anki qed iħallu impatt psikoloġiku qawwi fuq ir-residenti taz-zoni li ġarrbu l-agħar tad-diżastru. Dan qaluh l-esperti, fosthom il-psikoloġiċi li jaqblu li t-tfal li jgħixu f’dawn iz-zoni intlaqtu l-agħar mit-trawma li jridu jġorru għal ħajjithom kollha.

Fil-fatt, l-International Children’s Emergency Fund (UNICEF) tan-Nazzjonijiet Uniti qal li ‘il fuq minn 5.4 miljun tfal residenti qalb iz-zoni fl-epiċentru u l-madwar tat-terremoti storiċi qed jissugraw li jiżviluppaw sintomi ta’ ansjetà, dipressjoni u kundizzjoni psikoloġika magħrufa bħala PTSD (Post-Traumatic Stress Disorder).

Din is-sena ma setgħetx kellha bidu agħar għall-poplu Tork, li fl-aħħar sigħat kellu anki jagħmel il-kalkoli tat-terremot ġdid li laqat il-pajjiż fil-bidu ta’ din il-ġimgħa u li rreġistra 5.6 fuq l-Iskala Richter. Ir-riżultat kien li, anki f’dan il-każ, mietu numru żgħir ta’ persuni, b’aktar minn 110 jindarbu. Dan ukoll meta mill-ġdid inqerdu l-għexieren tal-bini fil-‘quake zone’.

L-epiċentru ta’ dan it-terremot kien indikat fid-distrett ta’ Yesilyurt fil-provinċja ta’ Malatya lejn ix-xlokk tat-Turkija…Provinċja li kienet diġà ġarrbet l-impatt qalil tat-terremoti tas-6 ta’ Frar li mmarkaw 7.8 u 7.6 fuq l-Iskala.

L-Aġenzija Torka għall-Kontroll tad-Diżastri intant bagħtet numru kbir ta’ skwadri għall-emerġenza fl-inħawi speċifiċi – b’talanqas 700 ħaddiem jieħdu sehem fil-missjoni ta’ ‘search and rescue’ qalb iz-zoni residenzjali ta’ Malatya.

Dan meta t-theżżiż sekondarji komplew jimponu sogru kbir għall-ħajja – bl-iskwadri għall-emerġenzi qegħdin jiffaċċjaw kundizzjonijiet mill-aktar diffiċli.