“M’għandix għalfejn napoloġizza għaliex ma kontx responsabbli.”
Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-Prim Ministru meta dan l-istazzjon flimkien mal-bqija mal-midja preżenti barra l-Parlament, staqsewh dwar is-sentenza li ngħatat il-Ġimgħa li għadda fejn il-Qorti orndat sabiex it-tlett sptarijiet ta’ St. Luke’s, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex jingħataw lura lill-poplu Malti.
L-Imħallef Francesco Depasquale sab li l-Qorti m’għandha l-ebda dubju li Vitals Global Healthcare, illum Steward Malta, ingħataw konċessjoni mill-Gvern b’riżultat ta’ gideb u korruzzjoni sabiex jikkorrompu il-ħsieb għal gwadann tagħhom u skont kif qalilna Robert Abela, hu m’għandux għalfejn jagħmel apoloġija u saħansittra lanqas jerfà nitfa responsabbiltà għaliex ma kienx involut.
Fil-kummenti tiegħu, il-Prim Ministru kkonferma li l-aġir ta’ Joseph Muscat u l-aġir ta’ min kien involut f’dan id-deal skandaluż ħolqulu problema u wiegħed li se jsib soluzzjoni għaliha …. għaldaqstant s’issa dawn is-soluzzjonijiet għadna ma nafux x’inhuma.
Meta Net News staqsa lill-Prim Ministru jekk hux se jieħu passi fil-konfront tal-Ministri l-oħra li kienu fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat fi żmien meta seħħ it-trasferiment kundannabbli bejn Vitals u Steward, u li għadhom Ministri sal-lum, Robert Abela ma weġibx.
Mistoqsi għal darba darbtejn rigward min se jerfà ir-responsabbiltà ta’ dan l-iskandlu li xxokja pajjiż, il-Prim Ministru baqà jaħrab id-domandi ta’ Net News … u ma ta l-ebda tweġiba lill-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>