Il-Kandidat tal-PN għall-Elezzjoni tal-MEPs Peter Agius għamel appell pubbliku lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Von der Leyen biex ma tibqax tagħlaq għajn waħda fuq il-ksur ta’ liġijiet Ewropej mill-Gvern Malti. Saħaq li l-poplu Malti jinsab irrabjat li l-Ewropa ma titħarrikx fuq il- ksur tad-drittijiet Ewropej hekk kif l-abbuż tal-flejjes tat-taxpayer Malti mhux qed jikser biss il-liġi Maltija iżda wkoll dik Ewropea.
Peter Agius spjega kif huwa ssenjala pubblikament u anke formalment kemm il-darba l-ksur talliġijiet dwar il-public procurement lill-Kummissjoni Ewropea. ‘F’Mejju u f’Ottubru 2021 kont ktibt lis-servizzi tiegħek b’ żewġ kwereli uffiċjali (Referenzi CHAP(2021)03940 u CHAP(2021)02062) biex il-Kummissjoni Ewropea tinvestiga l-ksur tal-liġi tal-akkwist pubbliku f’Malta. Tlabtkom biex tinvestigaw il-każ tal-konċessjoni ta’ 4 biljun euro li ngħatat mingħajr trasparenza u b’konfoffa minn qabel mal-Vitals. Dan sar bi ksur serju tad-Direttiva Ewropea 2014/24/EU dwar il-Public Procurement. Is-servizzi tiegħek ħarbu mid-domandi li ressaqtilhom u qalu li m’għandhomx biżżejjed informazzjoni biex jipproċedu minkejja li għaddejtilhom ukoll ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li jispjega l-fatti bl-aktar mod ċar.
‘Naf li jsir ħafna xogħol imprezzabli mis-servizzi tiegħek f’ġieħ il-konsumaturi u ċittadini Ewropej inkluż Maltin. Naprezzaw ferm l-għajnuna kollha tal-Kummissjoni Ewropea li għenet lil Malta b’mod konkret u qawwi biex noħorġu mill-COVID-19 u naffrontaw l-effetti ekonomiċi tagħha. Jeħtieġ però niġbed l-attenzjoni tiegħek u tas-servizzi tiegħek li mal-Maltin u l-Għawdxin qed tidhru b’saħħitkom maż-żgħir iżda dgħajfa u impotenti mal-kbir.’
Peter Agius kompla jispjega fl-ittra tiegħu lil Von der Leyen ‘L-infiq tal-flejjes tat-tax-payer mill- Gvern Malti għandu jimmerita attenzjoni mill-qrib mill-Kummissjoni Ewropea. Qed naraw każ wara l-ieħor fejn il-Gvern qed jabbuża u jikser prattikament kull artiklu tad-Direttiva Ewropea 2014/24/EU dwar il-Public Procurement iżda l-Kummissjoni Ewropea ma titħarrikx.
‘Rajna mijiet ta’ każijiet ta’ direct orders li jaqbżu l-miljuni (meta suppost isir tender pubbliku bi 3 offerti kif taqbeż l-10,000 euro), rajna każijiet fejn xiri ta’ servizz isir imbgħad xiri ta’ materjali b’infiq ta’ miljuni, rajna każijiet fejn kiri ta’ uffiċji jsir direttament mingħand il-ħbieb b’infiq ta’ miljuni fis-sena, rajna każijiet fejn l-investiment privat fuq power station imdaħħla fil-panama papers jiġi garantit b’ipoteka minn flejjes il-poplu (dettall li nibet wara l-għoti tattender) u rajna każijiet bħal tal-Vitals fejn il-liġi tal-public procurement tiġi by-passjata bl-użu tal-konċessjoni li mbgħad iżidula sfaċċatament penali ta’ 100 miljun bi klawżola post-kuntratt.
Dawn huma kollha każijiet fejn il-liġi Ewropea qed tinkiser u titgħawweġ qisa lakstuwa. Ikollok isaqsi kif il-Kummissjoni Ewropea ma titħarrikx dwar dan? Forsi dawn ikkunsidrati każijiet ‘domestiċi’ għax ma rifsu l-ebda kallu ta’ kumpanniji kbar fil-kontinent?’
Dawn il-ħniżrijiet jikkonsistu fi ksur ovvju u gravi tal-liġijiet Ewropej. Jiena dawn issenjalajtom lill-Kummissjoni Ewropea b’mod formali f’żewġ kwareli uffiċjali li ressaqt lis- servizzi tiegħek Referenzi CHAP(2021)03940 u CHAP(2021)02062. Ma kellix lanqas għalfejn nirreferihom jiena għax is-servizzi tiegħek jirċievu ta’ kuljum l-aħbarijiet minn Malta fejn grazzi għall-kuraġġ ta’ uħud mill-ġurnalisti Maltin jiġu svelati dawn l-iskandli. Iżda minkejja li dan kollu huwa magħruf minnkom, intom għażiltu għal darba tnejn li ma tiċċaqalqux.’
‘Qed nagħmel appell sinċier lilek Presidenta Von der Leyen, lill-Kummissarji u lis-servizzi kollha tagħkom. Tibqgħux tagħlqu għajn waħda fuq il-ksur tal-liġi f’Malta, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-liġijiet dwar l-infiq tal-flejjes tat-taxpayer Malti. L-amministrazzjoni preżenti għabbiet lill-poplu Malti b’dejn ta’ aktar minn 9,000,000,000 euro – parti sostanzjali minn dawn ġejjin mill-ħela u l-korruzzjoni li għaddejja kuljum. Nittama li tqumu qabel ma’ l-Gvern preżenti jieħu lil Malta f’żona perikoluża ta’ defiċit eċċessiv. Il-poplu Malti jistenna ħafna aktar mill-Ewropa. Tiddeluduhx!
//= $special ?>