Internazzjonali

L-Irlanda ta’ Fuq: Ftehim li jirristawra l-fiduċja wara l-Protokoll oriġinali

Il-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak jinsab kuntent dwar l-aġġornament tal-parti tal-ftehim ta’ Brexit li tikkonċerna lill-Irlanda ta’ Fuq waqt li sostna li l-aħħar negozjati mal-Unjoni Ewropea’irristawraw il-bilanċ’ għall-politika ta’  dik il-provinċja tar-Renju Unit. L-iżviluppi saru possibbli wara laqgħat intensivi, nhar it-Tnejn, bejn Sunak u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.

Il-ftehim li qed jieħu post l-hekk-imsejjaħ Northern Ireland Protocol għandu jiffaċilita l-movimenti tal-kummerċ bejn ir-Renju Unit, l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda li tifforma parti mill-UE.

Intant, il-Prim Ministru Britanniku fakkar li l-protokoll, fil-forma oriġinali, ma kienx qed jgħin għas-sigurtà u l-istabbilità tal-Irlanda ta’ Fuq. Sadanittant, il-partiti politiċi rappreżentati fl-Assemblea tal-provinċja, magħrufa bħala Stormont, se jeħtieġu ż-żmien kollu possibbli biex jikkunsidraw u jevalwaw id-dettalji tal-ftehim ġdid.

L-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq ilha sospiża minn Frar tas-sena l-oħra, wara li l-Partit DUP ( Democratic Unionist) irtira mill-ftehim għall-qsim tal-poter. L-irtirar seħħ minħabba li d-DUP oġġezzjona bis-sħiħ għall-Protokoll dwar l-Irlanda ta’ Fuq fil-ftehim oriġinali ta’ Brexit peress li dan kien qed joħloq ‘fruntiera’ għall-kontroll tal-prodotti u movimenti mill-Baħar Irlandiż għall-iskaptu tal-istess provinċja u r-Renju Unit.

Sunak, issa, qed jgħid  li f’każ li d-deputati fi Stormont jaċċettaw il-ftehim ġdid, l-Irlanda ta’ Fuq, ‘il quddiem, tkun tista’ tiggwadanja minn aċċess liberu għall-UE minbarra li (anki) tmexxi l-kummerċ mas-suq intern tar-Renju Unit…Żvilupp li, fi kliem il-Prim Ministru, għandu jitqies bħala ‘sitwazzjoni speċjali ħafna u esklussiva għan-nies tal-provinċja’.