Lokali

ll-Ministru Michael Falzon ma jitfaċċax għal konferenza dwar il-vjolenza

Għaddew erbat ijiem mill-akkuża iebsa li ta l-Imħallef Francesco Depasquale lill-Gvern dwar id-deal li sar mal-Vitals. U sa issa ħadd min-naħa tal-Gvern ma talab skuza għal dan is-serq kollu li sofra l-popli Malti u Għawdxi matul dawn l-aħħar snin. Bil-Prim Ministru qed jaħsel idejh minn dan id-deal u jgħid li ma kienx responsabbli u iktar minn hekk iddikjara li mhux se jitlob skuża.

Bil-Kabinett ta’ Robert Abela issa jinsab skomdu ferm quddiem is-sentenza li ngħatat, bil-paniku li ħakem lill-Kastilja wara li dan id-deal kien dikjarat null.

Fl-aħħar jiem kien hemm numru ta’ episodji fejn il-membri tal-midja jew kinux mistiedna għall-konferenzi tal-aħbarijiet, jew il-Ministru ma jitfaċċax.

It-Tlieta saret konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie ffirmat MOU bejn il-Gvern u l-Malta Girl Guides bħala parti mill-Kampanja ‘Stop the Violence’ u għal din il-konferenza suppost kellu jattendi l-Ministru Michael Falzon, kif tixhed din il-korrispondenza li l-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Net News irċeviet ftit tal-jiem ilu, iżda l-Ministru qatt ma tfaċċa.

Lil Ministru Falzon xtaqna nsaqsuh numru ta’ domandi, hekk kif hu kien parti mill-Kabinett ta’ Joseph Muscat meta sar dan id-deal mal-Vitals. Jekk hux se jagħmel apoloġija u kif se jingħataw lura l-flus li nsterqu mill-bejgħ tal-isptarjiet.

In-nuqqas tal-Ministu f’din l-attività jkompli jitfa’ dawl fuq il-fatt li fl-aħħar jiem, il-Ministri ftit li xejn kellhom attivitajiet, jew meta kellhom, ma stednux lill-midja.

Filfatt is-Sibt li għadda, il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima kellhom attività Ministerjali f’Ħal Luqa fejn ġie ffirmat ftehim.

L-Avveniment kien irrapportat mid-Dipartiment tal-Uffiċċju Informazzjoni – iżda l-midja ma kinitx mistiedna.

L-istess ukoll fl-aħħar jiem, il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli żaret solar farm f’Ta’ Qali u l-midja mill-ġdid ma kenitx mistiedna, għajr dik magħżula mill-Ministeru u d-DOI. L-assenza ta’ Michael Falzon u n-nuqqas ta’ stediniet mill-midja qed titfa’ dubju fuq il-fatt li dan qiegħed isir hekk kif il-Ministri u l-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela jinsabu skomdi ferm biex iwieġbu dwar is-sentenza tal-Imħallef Francesco Depasquale dwar il-bejgħ tat-tliet sptarijiet.