Joseph Zahra, attwalment priġunier residenti fil-Ħabs ta’ Kordin, f’kuntatt li għamel ma’ Il-Mument qalilna li ħdax-il xahar wara li tressaq il-Qorti akkużat li laqat pulizija f’wiċċha, hu għadu qed jistenna li ssir ġustizzja miegħu għaliex la hu minnu li hu refa’ jdejh fuq xi pulizija u dan kollu hu konfermat ukoll minn cameras tas-sigurtà proprju li kienu fejn seħħ l-inċident.
Ma’ il-Mument, Joseph Zahra qal li hu għandu sebgħin sena, għandu problemi ta’ saħħa f’riġlejh u dak kollu li għaddej minnu bħalissa fil-Ħabs ta’ Kordin hu abbuż fil-veru sens tal-kelma.
Permezz ta’ Il-Mument Joseph Zahra qal li jixtieq iwassal messaġġ lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jindaga hu dan l-allegat inċident li ma jeżistix għaliex hu qatt ma refa’ jdejh fuq xi ħadd fl-awtoritajiet tal-forzi tal-ordni.
Joseph Zahra qal li dan l-allegat inċident seħħ f’Marzu tas-sena l-oħra meta waqt li kien il-Qorti biex jistenna li jiddaħħal f’Awla, pulizija mara allegat li kien laqatha f’wiċċha. “Jumejn wara spiċċajt ittellajt il-Qorti akkużat li sawwat pulizija u l-Maġistrat inkwistjoni ma tatnix il-ħelsien mill-arrest.
“Kissruli ħajti. Sal-għasafar u l-annimali li kelli d-dar ħaduli għaliex m’għandix min jieħu ħsiebhom. U issa ili ħdax-il xahar nistenna li ningħata l-ħelsien mill-arrest għaliex jien ma rfajt idi fuq ħadd.
“Hemm il-cameras tas-sigurtà preċiżament fil-post fejn allegaw li seħħ dan l-inċident. Kif il-Qorti tippermetti li persuna tagħmel ħdax-il xahar fil-ħabs għal xi ħaġa li mhux veru tkun seħħet?
“Jien anzjan bil-krozzi u dakinhar ukoll tal-allegat inċident, kont il-Qorti bil-krozzi. Jien nixtieq li jkolli l-opportunità li nixhed biex ngħid dan kollu. Imma l-aktar ħaġa li nixtieq hi li tintemm din l-inġustizzja miegħi… raġel anzjan maqful il-ħabs għal inċident li mhux veru seħħ,” insista ma’ Il-Mument Joseph Zahra miż-Żejtun.
//= $special ?>