Lokali Saħħa

“Robert Abela huwa kontinwazzjoni tal-ingann tal-poplu Malti u Għawdxi” – Bernard Grech

Robert Abela huwa l-kontinwazzjoni tal-ingann u l-koruzzjoni fil-konfront tal-poplu Malti u Għawdxi.

Robert Abela baqa’ għażel lill-korrotti u lill-frodisti, minflok għażel lill-poplu Malti.

“Robert Abela m’għandu l-ebda rimors li ddefenda dan id-deal mafjuż” – Bernard Grech

Dan hu dak li ħareġ minn konferenza tal-aħbarjiet li saret quddiem l-isptar San Luqa u li kienet indirizzata mill-Kap tal-PN Bernard Grech u mid-Deputati Adrian Delia u Stephen Spiteri, bil-Kap tal-PN jsostni li Robert Abela bl-aġir tiegħu qed jiddefendi lil dawk li daħqu bil-poplu Malti u bis-settur tas-saħħa.

Robert Abela lbieraħ niżel fl-aktar livell baxx, għax baqa’ juża biss it-tattika tat-tgħajjir, biex jiddefendi l-ħniżrijiet ta’ dawk ta’ qablu. Abela fil-Parlament jibża’ jsemmi lil Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri”

“Fl-aħħar snin ma sar l-ebda investiment f’dawn l-isptarijiet, Abela jaf li dan qatt ma sar u minflok baqa’ jtihom aktar flus, aktar flus minn ħalq il-poplu Malti”

“Minflok għażel lill-poplu Malti u Għawdxi, għażel lill-korrotti u frodisti, minflok talab apoloġija, Robert Abela li qal li m’għandu l-ebda rimors”

Bernard Grech tenna li l-PN se jibqa’ jaħdem sabiex il-poplu Malti u Għawdxi ikollhom servizz tas-saħħa kif suppost. Servizz li joffri kwalità u assigurazzjoni.

“PN fil-Gvern se jkun qed jassigura li l-isptar San Luqa jsir sptar li jkompli jikkomplimenta s-sistema tas-saħħa tagħna biex il-poplu Malti jingħata kura xierqa”

“Abela għamel tliet snin sħaħ jiddefendi lill-barranin frawdalenti u mhux lill-poplu Malti” – Adrian Delia

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Adrian Delia qal minflok bħalissa l-Prim Ministru qed jara kif se jġib it-€300 miljun li l-Gvern ta, qed naraw PM passiv u ma jridx jaġixxi.

Stennejna li jkollna investiment massiċċ, minflok imma għandna bini abbandunat, li l-anqas in-nies ma jistgħu joqogħdu fih għax ġie mifni bil-ġrieden. L-isptar San Luqa huwa xempju tal-investiment li ma sarx minn min suppost kellu jagħmel dan”

Adrian Delia qal li dawk li ħolqu l-problema ma jistgħux isolvuha huma u li l-PN se jibqa’ biex min hu responsabbli jerfa’ għal għemilu u jħallas għalih.

“Fil-Qorti tmur biex tiġġieled u ġġib ġustizzja, il-ġustizzja inkisbet, issa nistenna li l-ħidma titkompla mill-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, li suppost qed jaħdmu biex dawk li ħolqu din il-problema magħhom issir ġustizzja u jerfgħu r-responsabbiltà”.

Il-PN se jkun se jibqa’ jiġġieled biex is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna jingħata l-investiment meħtieġ” – Stephen Spiteri

Id-Deputat Stephen Spiteri qal li għaddew 7 snin minn mindu l-Gvern ta l-isptarijiet lill-barranin u minflok għandna investiment, qed naraw Sptar San Luqa monument żdingat li ma għenx biex tittejjeb is-sitwazzjoni tas-saħħa f’pajjiżna.

“Saret anki diskriminazzjoni mal-ħaddiema, fejn mhux talli ma laħqux mal-obbligi tagħhom, fejn suppost investew, irranġaw l-isptarijiet, imma taw bis-sieq lill-ħaddiema”

“Ilna ngħidu bħala PN li pajjiżna mhux ta’ sptar wieħed, u l-isptar San Luqa, fl-aħħar snin seta’ jaqdi dan l-irwol biex il-piż ma jibqax biss fuq Mater Dei”

Stephen Spiteri saħaq li l-PN se jibqa’ jaħdem biex ikollna servizz tas-saħħa fejn ma jkollniex dewmien, anki għall-affarjiet bażiċi, ma jkollniex dewmien għall-operazzjonjiet, li jsir investiment denju biex ma jkollniex mediċina out-of-stock u biex il-ħaddiema tas-saħħa jingħataw ir-risorzi kollha meħtieġa biex is-settur tas-saħħa f’Malta jitjieb u ma jibqax mifni mill-korruzzjoni u l-insigurtà li ġab il-Gvern Laburista.