Raġel ta’ 45 sena minn Ħal-Qormi ġie kundannat sentejn u nofs ħabs u multa ta’ €2,500 mill-Imħallef Aaron Bugeja wara li ammetta flok għadda ġuri li ttraffika kilo droga cannabis fl-2010. Meta tressaq il-Qorti Marlon Apap, l-Avukat Ġenerali kien qed jitlob sentenza ta’ għomor il-ħabs imma sar patteġġjament (ftehim) fuq il-każ bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni.
Hawn ittieħdu wkoll konsiderazzjonijiet ta’ għadd ta’ fatturi fosthom it-trapass taż-żmien, il-koperazzjoni ta’ Apap mal-Pulizija, il-fatt li huwa issa huwa bniedem mibdul għal aħjar, għandu mpieg fiss u jbati minn diżabbilità. Marlon Apap ammetta assoċjazzjoni għall-bejgħ jew traffikar ta’ raża tal-cannabis fejn il-fatti tal-każ huma li ftit qabel il-Milied tas-sena 2010, Apap iltaqa’ ma’ ċertu Charles Paul Muscat ġewwa bar f’Buġibb.
Dan ‘Charlie’, li huwa Għawdxi nvolut fiċ-ċrieki ta’ traffikar ta’ droga ġewwa l-gżira Għawdxija, xtaq jixtri xi raża tal-cannabis. Marlon Apap kien jaf li ħabib tiegħ, ċertu Brian Godfrey Bartolo li seta’ jipprovdih b’din id-droga, u għaldaqstant iddeċieda li jassoċja ruħu miegħu sabiex flimkien jipprovdu u jittraffikaw din id-droga lil Charles Paul Muscat.
Sabiex jinnegozjaw u jikkonkludu l-ftehim għall-konsenja tad-droga cannabis, il-partijiet ta’ din l-assoċjazzjoni, Marlon Apap u Brian Godfrey Bartolo telgħu Għawdex nhar is-Sibt 22 ta’ Jannar tas-sena 2011, fejn, ġewwa l-lokalita’ tal-Munxar iltaqgħu ma’ Charles Paul Muscat sabiex jiftehemu dwar l-ammont u l-prezz.
Charles Paul Muscat ried erbgħa blokok raża tal-vannabis. Marlon Apap talab lil Charles Paul Muscat is-somma ta’ €1,100 għal kull blokka, pero’ wara xi negozjati ftehemu fuq il-prezz ta’ €1,000 għal kull blokka. Marlon Apap u Brian Godfrey Bartolo ftehemu ma’ Charles Paul Muscat li kellhom itellgħulu d-droga ġewwa Għawdex tliet ijiem wara, u cioe’ 25 ta’ Jannar, u huwa jħallashom is-somma ta’ €4,000 mal-konsenja.
Il-ftehim bejn l-akkużat Marlon Apap u Brian Godfrey Bartolo kien li Bartolo jipprokura d-droga cannabis bil-prezz ta’ €900 kull blokka, huma jwassluha u jbiegħuha lil Charles Paul Muscat ġewwa Għawdex bil-prezz ta’ €1,000 kull blokka, u jaqsmu l-profitt f’sehem indaqs bejniethom. B’hekk Apap u Bartolo kkumbinaw u ftehemu l-mezzi li bihom kellhom jimxu in esekuzzjoni ta’ dan il-pjan tagħhom.
Biex jesegwixxu dan il-pjan maħsub, ikkumbinat, u miftiehem minn qabel, fil-25 ta’ Jannar tas-sena 2011, Apap u l-komparteċipi f’din l-assoċjazzjoni Bartolo qabdu erbgħa blokok raża tal-cannabis, poġġewhom ġo haversack, għabbewhom fil-vettura Mercedes-Benz ta’ lewn griż proprjeta’ ta’ Apap, u qabdu t-triq lejn Għawdex sabiex jissupplixxu din id-droga, kif miftiehem, lil Muscat.
Dawn imma ma kenux jafu l-akkużat Marlon Apap u Brian Godfrey Bartolo kien li l-Pulizija kellha nformazzjoni kunfidenzjali li kienet ser issir din il-konsenja ta’ droga, u għaldaqstant il-Pulizija kienu għassa ġewwa ċ-Ċirkewwa jistennew lil Marlon Apap u Brian Godfrey Bartolo jaslu biex jaqbdu l-vapur għal Għawdex bil-konsenja msemmija.
Fil-fatt, fil- 25 ta’ Jannar, 2011 għall-ħabta tas-5.45pm deheret riesqa lejn il-moll taċ-Ċirkewwa l-vettura Mercedes-Benz misjuqa minn Apap u Bartolo bħala passiġġier. Il-Pulizija nterċettaw din il-vettura, fejn, ġo haversack ta’ lewn blu li kien ħdejn saqajn il-passiġġier instabu l-erbgħa blokok raża tal-cannabis kif ukoll żewġt iqratas b’ammont żgħir ta’ cannabis.
Marlon Apap u l-komparteċipi f’din l-assoċjazzjoni Brian Godfrey Bartolo ġew arrestati, fejn, wara li ingħata d-drittijiet kollha tiegħu skond il-liġi, Marlon Apap ammetta l-involviment tiegħu f’din l-assoċjazzjoni u għen lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet ulterjri tagħhom.
Minn analiżi fuq id-droga misjuba li saret mill-Ispiżjar Mario Mifsud, l-espert maħtur mill-Maġistrat Inkwerenti, rriżulta li l-erbgħa blokok kienu fil-fatt droga raża tal-cannabis u kellhom piż kumplessiv ta’ 981.05g. Il-biċċiet żgħar li nstabu fiż-żewġ qratas kienu wkoll droga raża tal-cannabis fl-ammont kumplessiv ta’ madwar gramma.
Illi li ma kienx għall-intervent f’waqtu mill-Pulizija, l-assoċjazzjoni kriminuża bejn l-akkużat Marlon Apap u Brian Godfrey Bartolo kienet se twassal biex kważi kilo droga Cannabis issib ruħha fis-suq tad-droga Għawdxi. Il-Qorti qalet li wara li rat ir-rikors konġunt tal-Avukat Ġenerali u Marlon Apap u fl-eventwalita’ li jkun hemm ammissjoni għall-akkużi miġjuba kontrih, il-piena tinżel b’żewġ gradi, u tkun waħda ta’ priġunerija effettiva għal perjodu ta’ sentejn u sitt xhur flimkien ma multa ta’ €2,500.
Il-Qorti semgħet lid-Difiża li argumentat li filwaqt li qablet mal-Prosekuzzjoni fl-analiżi tagħha ta’ dak li seħħ, hi provdiet ukoll ċertifikat mediku inkuż il-karta tal-identita li kienet turi li Apap huwa kunsidrat bħala persuna disabbli. Illum huwa irriforma ruħu u minkejja d-diżabilità tiegħu, jaħdem f’impjieg full-time mal-Arts Council.
Id-Difiża saħqet ukoll li meta wieħed jiġi biex iqabbel każ ma ieħor irid jittieħed in konsiderazzjoni kemm ikun l-ammont preċiż li tiegħu ikun ġie misjub ħati in kwantu differenzi ta’ mija mitejn gramma bejn każ u ieħor jaf ikollhom rikaduta serja fuq il-piena li tkun ġiet inflitta.
Għalhekk altru jkollok każ ta’ pussess ta’ disa mija u tmenin gramma cannabis u altru jkollok każ ta’ elf u mitejn gramma cannabis. Din id-differenza fil-piż ukoll riedet tittieħed in konsiderazzjoni. Inoltre, f’dan il-każ verament kien hemm it-trapass taż-żmien li għandu jittieħed in konsiderazzjoni.
Fil-fatt l-akkużat APAP kien irreġistra ammissjoni bikrija ħafna għall-akkużi ta’ traffikar u pussess kwalifikat tar[1]raża meħuda mill-pjanta cannabis, għalkemm ma ammettiex għar-reat ta’ assoċjazzjoni. Dan wera wkoll li kien hemm koperazzjoni da parti tiegħu f’dan il-każ mal-Pulizija u huwa ammetta għal dawk ir-reati mal-ewwel opportunita disponibbli.
L-akkużat, tenniet id-Difiża kellu jibbenefika mill-artikolu 29 tal-Kapitolu 101 tal-Liġijiet ta’ Malta b’żewġ gradi grazzi għall-grad ta’ koperazzjoni li Paġna 15 minn 16 wera mal-Pulizija. Apparti dan, kien evidenti li l-Prosekuzzjoni kellha bżonn ix-xiehda tiegħu fil-każ kontra l-korreu l-ieħor li għad irid jiġi ċelebrat il-ġuri tiegħu.
Id-Difiża sostniet li l-fatt li l-Istat issa qed jikkunsidra s-sustanza nnifisha bħala legali l-outlook socio-politico-legali tagħha kellu effett anke fuq il-0mod kif is-soċjeta tħares lejn id-droga cannabis u dan kellu rikaduta anke fuq il-pieni li qegħdin jiġu mogħtija mill-Qrati f’dawn l-aħħar snin u xhur.
Huwa ċar qalet id-difiża li s-sentenzi dwar traffikar u pussess kwalifikat tal-cannabis qegħdin jonqsu. Waħda mill-fatturi hija peress li s-soċjeta Maltija qed tħares lejn is-sustanza cannabis innifisha b’mod differenti – tant li f’ammonti żgħar illum saret legali – ħaġa li qabel, u senjatament fiż-żmien meta seħħew dawn ir-reati ma kienetx.
F’dan il-każ il-patteġġjament huwa ġust u jidħol fis-sentenzi l-iżjed riċenti. Is-sentenzi l-iżjed riċenti juru fejn sejrin dawk il-parametri li kienu evidentement qegħdin juru pieni li qegħdin jonqsu minn dawk li kienu ħames snin, għaxar snin ilu.
Il-Qorti ordnat il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tal-oġġetti kollha li dwarhom sar ir-reat u l-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta ta’ kull flejjes jew proprjetà mobbli u immobbli oħra tal-ħati. Finalment, peress li d-droga għad hemm ħtieġa li tiġi preżervata in konnessjoni ma kawża oħra pendenti, l-Qorti ordnat li d-droga tibqa’ tiġi miżmuma mir-Reġistratur skont il-Liġi. Għal Apap deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.
//= $special ?>