Futbol Sport

Serie A: Juventus jirbħu d-Derby della Mole

(Ritratt: EPA)

Juventus v Torino 4-2

Fid-Derby Della Mole Juventus dawwru telfa f’rebħa biex b’hekk jitilgħu fis-seba’ post fil-klassifika biex ikomplu l-mixja tagħhom biex jisiċċaw mal-ewwel erba’.

Torino fetħu l-iskor kmieni meta Yann Karamoh għeleb lil goalkeeper ta’ Juventus Szczesny minn kross tad-difensur laterali Boungiorno.

Il Bianconeri kisbu d-draw fit-18-il minuta permezz tad-difensur laterali Juan Cuadrado li kkonkluda tajjeb minn kross mix-xellug ta’ Kostic.

Kienu Torino li reġgħu marru fil-vantaġġ ftit mumenti qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Antonio Sanabria sab ix-xibka b’xutt kalm u preċiż minn kross ta Ilic.

Torino ma damux fil-vantaġġ hekk kif il-captain ta’ Juventus Danilo kiseb id-draw għat-tieni darba fil-partita ftit minuti wara. Il-plejer internazzjonali Brażiljan kien fil-post it-tajjeb sabiex jikkonkludi bir-ras il-korner preċiż ta’ Di Maria biex b’hekk iż-żewġ timijeit daħlu għal-ħin tal-mistrieħ bl-iskor ta’ 2-2.

Juventus marru fil-vantaġġ għal l-ewwel darba fil-partita fil-71 minuta meta l-ex plejer ta’ Torino Gleison Bremer xeħet ġewwa b’ daqqa ta’ ras minn kross tas-sostitut Chiesa.

Adrien Rabiot kompla jkabbar il-vantaġġ meta xeħet ġewwa bla ebda diffikulta fil-81 minuta minn freekick fil-baxx mix-xellug ta’ Kostic.

Cremonese v Roma 2-1

Cremonese kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun b’rebħa impressjonanti kontra Roma fi Stadio Giovanni Zini.
Din ir-rebħa tkompli tagħti t-tama lil Cremonese sabiex jevitaw ir-relegazzjoni.

Kienu Cremonese li ħasdu lil-avversarju tagħhom wara 17-il minuta logħob meta sabu x-xibka permezz ta’ Frank Tsadjout li għeleb għal kollox lil Patricio minn pass preċiż tad-difensur laterali Valeri, u b’hekk il Grigiorossi daħlu għal ħin tal-mistrieħ fil-vantaġġ.

It-tieni taqsima bdiet b’kontroversja hekk kif il-kowċ ta’ Roma Jose Mourinho tkeċċa wara li argumenta mar-referee Marco Piccinini

Minkejja dan Roma kisbu d-draw fil-71 minuta meta Leonardo Spinazzola sab ix-xobka minn pass twil ta’ Mancini.

Cremonese skurjaw il-gowl tar-rebħa fit-83 minuta meta Daniel Ciofani għeleb lil Patricio minn penalty li wasal minn foul kommess minn Ibanez.