Basketball Sport

Tazza Louis Borg – Irġiel: Finali bejn Bupa Luxol u Mellieħa Libertas

Colin Schembri

Depiro…………………………..79

Mellieħa Libertas………….87

(22-21)(18-16)(23-32)(16-18)

Mellieħa ħadu rebħa ta’ 8 punti fl-ewwel leg tas-semifinali tagħhom kontra Depiro. Huma rkupraw lil Connor Zinaich fil-waqt li Depiro kienu mingħajr Michael Debattista. Depiro żammew il-ass mall-avversarji għal ħin twil però kienu sfortunati li tilfu lil Miguel Brincat bi tkeċċija ħarxa u lil Andrew Aquilina b’injury serja ħafna li se tħallieh barra mill-court għal diversi xhur. Kienu Depiro li ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 112-4 fejn kellhom it-trippli minn Cameron Cornelius u Sean Galea. Mellieħa wieġbu b’run ta’ 10-0 fejn huma wkoll kellhom it-trippli minn Zinaich u Sebastien Valencia. Wara trippla fuq kull naħa, punmti minn Valencia u Nenad Bukva poġġew lil Mellieħa fuq quddiem iżda basket ta’ Aquilina ta l-vantaġġ lil Depiro 22-21. Fit-tieni sessjoni, wara li Mellieħa reġgħu ħadu l-vantaġġ, Depiro għamlu break ta’ 9-2 u marru 4 minn fuq 31-27. Mellieħa, kellhom aktar punti minn Valencia flimkien ma’ Zinaich u David Bugeja u minkejja li reġgħu marru minn fuq, punti minn Brincat u Cornelius raw lil Depiro jidħlu jistrieħu 40-37 minn fuq.

Wara l-intervall, Mellieħa bdew b’żewġ trippli minn Valencia però kull darba li skurjaw, Depiro bdew jirrispondu biex baqgħu viċin. Mellieħa kellhom run ta’ 15-3 bi trippli ta’ Jandric u Robert Bonnici fil-mument li tkeċċa Brincat għal Depiro. Mellieħa għalqu t-taqsima sitta minn fuq 69-63. Fil-bidu tal-aħħar perjodu, Depiro naqqsu l-iżvantaġġ għal punt però sensiela ta’ trippli minn Mellieħa f’run ta’ 18-4 tathom vantaġġ ta’ 15-il punt 87-72. Depiro rnexxielhom itemmu l-partita b’seba’ punti mingħajr risposta biex żammew ħajjin it-tamiet tagħhom hekk kif Mellieħa ħarġu rebbieħa 87-79.

Depiro: S. Galea 1, J. Micallef, A. Aquilina 4, N. Grech 3, K. Rooks 26, M. Brincat 7, M. Mallia 5, C. Cornelius 15, A. Micallef, K. Caruana 11.

Mellieħa Libertas: M. Falzon 2, D. Bugeja 7, R. Bonnici 5, V. Jandric 7, I. Bonett 2, N. Bukva 4, N. Jovanovic, C. Zinaich 27, M. Formosa, O. Said, S. Valencia 33.

Referees: Daniella Torok, Gordon Barbara, Nicky Azzopardi

Bupa Luxol……………………83

Starlites FIJO………………..80

(19-28)(21-12)(27-17)(16-23)

F’partita verament kumbattuta sal-aħħar sekondi, Bupa Luxol kisbu l-ewwel rebħa tagħhom fuq Starlites FIJO dan l-istaġun però kollox irid jiġi deċiż fit-tieni leg hekk kif 3 punti biss firdu liż-żewġ timijiet fi tmiem l-ewwel erbgħin minuta. Starlites marru 15-8 minn fuq fl-ewwel ħinijiet tal-partita b’punti minn Jacob Bates, Kurt Xuereb u trippla ta’ Ian Felice Pace fost l-oħrajn. Luxol kellhom mument posittiv bi 8 punti mingħajr risposta fosthom żewġ trippli minn Jean Paul Schembri. Ir-risposta ta’ Starlites ġiet b’run oħra ta’ 13-3 biex temmew l-ewwel sessjoni 28-19 minn fuq. Fit-tieni sessjoni, Luxol fetħu tajjeb u kellhom punti minn Tayler Mattos, Trevian Bell u Nikola Vasovic fi break ta’ 11-4. Starlites wieġbu permezz ta’ Alec Felice Pace u Darius George biex reġgħu marru 8 minn fuq 38-30. Luxol irkupraw u bit-trippli ta’ Schembri u Matthew Sciberras ippareġjaw il-partita 40-40.

Fit-tielet sessjoni, wara punti fuq kull naħa, Luxol kellhom break ta’ 12-2 fejn Vasovic għamel żewġ trippli biex marru 54-48 minn fuq. Starlites dehru maħsuda u minkejja li rnexxielhom inaqqsu d-distakk għal 3 punti, Luxol għamlu disa’ punti oħra u temmew il-perjodu 67-57 minn fuq. Starlites irkupraw fill-ftuħ tal-aħħar sessjoni meta bdew b’sitt punti mingħajr risposta. Wara li Bell u Mattos wieġbu għal Luxol, Starlites kellhom il-punti ta’ Bates u Zekiah Owens però ma rnexxielhomx jerġgħu jieħdu l-vantaġġ hekk kif Vasovic għamel trippla oħra. B’inqas minn nofs minuta għat-tmiem, Bates għamel trippla u naqqas id-distakk għal punt. Alec Felice Pace seraq il-ballun fl-aħħar sekondi però ma rnexxielhux jagħmel il-basket tar-rebħa u l-partita għalqet bil-freethrows ta’ Bell għal skor ta’ 83-80.

Bupa Luxol: N. Vasovic 16, M. Sciberras 3, T. Bell 20, N. Engelbert, JP Schembri 14, A. Trapani, L. Trapani, V. Englin, T. Mattos 22, M. Matijevic 4, S. Cappello 4.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 13, Z. Owens 11, J. Bates 21, I. Felice Pace 9, M. Fabri, L. Riolo, R. Carabott 2, L. Farrugia 4, K. Xuereb 2, N. Sultana, D. George 18.

Referees: Gordon Barbara, Bogdan Mrkojevic, Nicky Azzopardi

Starlites FIJO…………..76

Bupa Luxol………………80

(16-15)(22-23)(16-17)(22-25)

Bupa Luxol rebħu wkoll it-tieni partita kontra Starlites FIJO 80-76 biex waslu sal-finali ta’ din il-kompetizzjoni b’aggregate ta 163-156. Starlites kienu mingħajr Matthew Attard għat-tieni logħba konsekuttiva però rkupraw lil Matthew Scerri. Il-partita kienet missielta tant li l-vantaġġ inbidel għal 17 -il darba u għal 11 -il darba kien hemm parita. L-akbar vantaġġ kien ta’ Luxol 70-58 għalkemm Starlites irkupraw u baqgħu jisfidaw sal-aħħar sekondi. Il-partita fetħet b’punti fuq kull naħa bi Starlites fuq quddiem u jiftħu vantaġġ ta’ 5 punti wara trippla minn Alec Felice Pace. Luxol kellhom risposta minn Marco Matijevic, Tayler Mattos u Trevian Bell però basket ieħor minn Felice Pace qabel intemmet is-sessjoni poġġa lil Starlites fuq quddiem 16-15. Luxol fetħu t-tieni taqsima bit-three pointers ta’ Nikola Vasovic. Għal Starlites kien hemm il-punti minn Zekiah Owens u Jacob Bates u fis-seba’ minuta kien hemm partita ta’ 30-30. Bell u Matijevic reġgħu poġġew lil Luxol minn fuq iżda Starlites komplew jippersistu u kellhom il-punti ta’ Darius George flimkien ma’ Owens u Bates biex ippareġjaw il-partita 38-38.

Fit-tielet taqsima, Starlites ħadu l-vantaġġ għal darb’oħra wara punti minn Owens u Felice Pace qabel ma Luxol kellhom break qasir ta’ 6-0 biex marru 4 minn fuq 49-45. Ir-risposta ta’ Starlites ġiet minn Owens u trippla ta’ Scerri però punti minn Matijevic u Mattos ħallew lil Luxol fuq quddiem 55-54. Fl-aħħar sessjoni wasal l-aħjar mument ta’ Luxol meta għamlu run ta’ 15-4 b’żewġ trippli ta’ Bell u fetħu vantaġġ massimu ta’ 12 -il punt 70-58. Starlites wieġbu bi break ta’ 9-0 biex reġgħu daħlu fil-partita u għal darbtejn waslu sa’ punt ‘l bogħod iżda Luxol għarfu jikkontrollaw u jżommu l-vantaġġ u meta marru fuq il-freethrow line irnexxielhom jagħmlu ħamsa minn sitta biex ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 80-76.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 21, Z. Owens 18, J. Bates 15, I. Felice Pace 5, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 3, R. Carabott, L. Farrugia, K. Xuereb, N. Sultana, D. George 14.

Bupa Luxol: N. Vasovic 16, M. Sciberras, T. Bell 21, N. Engelbert, JP Schembri 1, L. Trapani, V. Englin, T. Mattos 26, M. Matijevic 11, S. Cappello 5.

Referees: Daniella Torok, Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi

Mellieħa Libertas……………..101

Depiro……………………………..73

(28-21)(21-15)(27-21)(25-16)

Se jkunu Mellieħa l-avversarji ta’ Bupa Luxol fil-finali tat-tazza Louis Borg, ħmistax oħra fejn l-ewwel partita tintlagħab fl-10 ta’ Marzu u t-tieni waħda jumejn wara. Depiro kellhom nieqsa lil Miguel Brincat u Andrew Aquilina u ħassew in-nuqqas tagħhom. Mellieħa fetħu tajjeb mill-ewwel u sat-tielet minuta kienu diġa 10-1 minn fuq bil-punti ta’ Nenad Bukva, Connor Zinaich u Robert Bonnici. Depiro wieġbu bil-punti ta’ Kameron Rooks u trippla ta’ Andy Attard u komplew bi break ta’ 8-0 biex naqqsu d-distakk għal 3 punti 15-18. Zinaich waqqfilhom ir-run bi trippla però żewġ baskets ta’ Rooks ħallew lil Depiro basket ‘l bogħod. Fl-aħħar ħinijiet tat-taqima, Mellieħa kellhom trippla minn Sebastien Valencia biex temmew is-sessjoni 28-21 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Depiro fetħu bi trippla ta’ Miguel Mallia b’ Mellieħa jirrispondu bi break ta’ 17-2 bi trippla ta’ Valencia flimkien ma’ David Bugeja u Isaac Bonett. Sa’ tmiem is-sessjoni, Depiro kellhom il-punti minn Rooks u Cornelius li kellhu wkoll trippla għal skor ta’ 49-36.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni iż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin biex Mellieħa żammew il-vantaġġ ta’ 13 -il punt 55-42. Hawn Mellieħa kellhom run oħra ta’ 11-2 biex marru 22 punt minn fuq 66-44 sa’ nofs is-sessjoni. Depiro kellhom risposta minn Rooks u trippla ta’ Sean Galea però Mellieħa temmew il-perjodu 76-57 minn fuq. Fl-aħħar taqsima, kien hemm spazju għal players ta’ fuq il-bank miż-żewġ naħat fosthom żgħażagħ ta’ Depiro. Mellieħa kellhom ukoll run oħra ta’ 15-2 u għaqqdu l-mitt punt bi trippla ta’ Omar Said u ħarġu rebbieħa 101-73.

Mellieħa Libertas: M. Falzon 2, D. Bugeja 8, R. Bonnici 7, V. Jandric 7, I. Bonett 6, N. Bukva 8, N. Jovanovic 5, C. Zinaich 29, M. Formosa 2, O. Said 5, S. Valencia 22.

Depiro: S. Galea 8, J. Micallef, N. Grech 5, A. Attard 5, K. Rooks 36, M. Mallia 8, C. Cornelius 11, A. Micallef, K. Caruana.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Bogdan Mrkojevic, Nicky Azzopardi