Mara qed tissielet għal ħajjitha wara l-inċident li seħħ it-Tlieta filgħaxija.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7pm fit-triq tas-Central Link, direzzjoni lejn ir-Rabat.
Fil-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jinħarġu xi persuni mill-karozza.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li l-ħabta seħħet bejn Toyota misjuqa minn raġel ta’ 53 sena residenti Żabbar li miegħu kien hemm passiġġiera ta’ 50 sena residenti l-Imsida u Porsche li kienet misjuqa minn raġel ta’ 39 sena residenti Ħ’Attard stess.
Tim mediku mar fuq il-post sabiex jassisti filwaqt li ambulanza ħadet żewġ persuni l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Il-mara ta’ 50 sena ġiet iċċertifikata li qed isofri minn ġrieħi serji u li tinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li s-sewwieq tat-Toyota ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi. Is-sewwieq tal-karozza l-oħra ma ġarrab l-ebda ġrieħi.
It-triq ingħalqet għat-traffiku għal xi ħin.
Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>