Lokali Qorti

“Eżami mediku qabel l-ammissjoni tal-aħwa Degiorgio sodisfaċenti biss b’mod parzjali” – id-difiża

Il-fatt li Alfred u George Degiorgio kienu ngħataw l-approvazzjoni medika biex jgħaddu ġuri eżatt qabel ma wieġbu ħatja tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien biss “parzjalment sodisfaċenti,” peress li “d-deċiżjonijiet kienu diġà ttieħdu f’dak l-istadju”, sostnew l-avukati tagħhom.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giovanni Grixti u Joseph R. Micallef bdiet tisma’ l-appell tal-aħwa Degiorgo kontra s-sentenza ta’ 40 sena li kienu qablu magħha, bi skambju ta’ ammissjoni għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-appell kien ġie ppreżentat inqas minn ġimgħatejn wara li l-akkużati kienu ġew ikkundannati wara li wieġbu ħatja fl-ewwel jum tal-proċess tagħhom quddiem ġurija. L-Imħallfin semgħu sottomissjonijiet mill-avukat Leslie Cuschieri, li qed tirrappreżenta lill-aħwa, flimkien mal-avukat Noel Bianco, kif ukoll dawk tad-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia.

Wieħed mill-argumenti tal-aħwa Degiorgio huwa li George Degiorgio kienx fi stat ta’ saħħa li jiddeċiedi u li jista’ jevalwa s-sitwazzjoni, riżultat ta’ strajk tal-ġuħ dakinhar tal-ġuri. Dan kien affettwa l-ħila tiegħu li jirreżisti, jew jaħseb sew, id-deċiżjoni li jammetti l-ħtija, qalu l-avukati.

Id-deċiżjonijiet mill-irġiel akkużati ma kinux ittieħdu wara li l-psikjatri kienu eżaminawhom, qal l-Avukat Cuschieri. “Kien hemm deċiżjonijiet li kienu ħadu aktar kmieni matul il-ġurnata.” “Il-fatt li fil-mument li ġew eżaminati, skont l-esperti tal-Qorti, kienu konxji ta’ dak li kien qed jiġri huwa biss parzjalment sodisfaċenti.”

Il-Qorti kellha tkun konvinta li l-akkużati mhux biss kienu konxji ta’ dak li kien qed jiġri iżda wkoll li kienu konxji ta’ dak kollu li kien għaddej mill-konsegwenzi tal-azzjonijiet tagħhom, sostna l-avukat Cuschieri, li sostna wkoll li għalkemm il-Qorti kienet spjegat l-importanza ta’ ammissjoni ta’ ħtija lill-akkużati, il-liġi imponiet ukoll rekwiżit fuq il-Qorti li tispjega l-konsegwenzi ta’ “plea bargain” (patteġġament), malli ġiet infurmata li din kienet possibbiltà.

“Dan ma deherx li ġara mill-atti tal-Qorti,” qal Cuschieri, filwaqt li spjega li t-talba tal-aħwa Degiorgio għal filmati CCTV tal-Qorti kienet maħsuba biex isolvi dan il-punt. “Il-filmati għandhom juru mhux biss il-kliem eżatt li ntqal, iżda wkoll jekk l-individwu qalx “iva, irrid hekk” jew “u iva, tkun xi tkun.”

M’hemm l-ebda evidenza aħjar ta’ dan mill-filmati.” Il-filmati se jipprovdu wkoll evidenza ta’ dak li qal Alfred Degiorgio u dak li qalulu l-infermiera li kienu qed jikkurawh, huwa qal. L-eżami li sar mill-espert mediku maħtur mill-Qorti Dr Mario Scerri “aċċerta biss jekk Degiorgio kienx se jgħix, jekk hux se jibqa’ f’sensih,” qal l-avukat.

It-tieni espert maħtur mill-Qorti, il-psikjatra Beppe Micallef Trigona kien qal biss lill-Qorti li Alfred Degiorgio kien jaf x’qed jiġri, u mhux li kien konxju tal-konsegwenzi tal-ammissjoni tiegħu, sostna l-avukat, li żied li d-difiża riedet li jixhdu mill-ġdid.

Cuschieri sostna li taħt il-kodiċi kriminali, il-Qorti kellha d-dmir li tisma’ provi ġodda li jistgħu jipprevjenu falliment tal-ġustizzja. “Lil hinn minn dak li jgħidu l-massa, jew il-midja. Irridu niffukaw fuq il-ġustizzja. Ma nistgħux nagħmlu dak li għamel Pilatu, inċedu għal dak li tgħid il-folla,” temm jgħid l-avukat.

Fit-tweġiba tiegħu, id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia qal li m’hemmx dubju li l-liġi kienet tippermetti lill-esperti mediċi jerġgħu jixhdu f’ċirkostanzi straordinarji. “Imma ċ-ċirkostanzi huma straordinarji? L-aħjar evidenza hija dik li kienet ipprovduta mill-ispeċjalisti mediċi dak iż-żmien.”

Galea Farrugia spjega kif meta, wara nofsinhar tal-ewwel jum tal-ġuri, huwa kien irċieva telefonata mill-avukat tal-għajnuna legali tad-Degiorgio, l-avukat Simon Micallef Stafrace fejn infurmah bl-intenzjoni tal-aħwa Degiorgio li jammettu, il-Qorti kienet immedjatament ħatret mediku u professjonisti biex jeżaminaw lill-akkużati.

Barra minn hekk, qal, il-Qorti kienet tathom mhux biss tnejn, iżda tliet opportunitajiet biex jirrevokaw it-talba tagħhom, filwaqt li rrimarka wkoll li l-Imħallef kien informahom li kienu qed jaqblu ma’ sentenza ta’ 40 sena qabel ma ffirmaw il-patteġġemant.

Dwar l-istat ta’ saħħa ta’ George Degiorgio, Galea Farrugia fakkar dak li kien osserva dak iż-żmien. “Vera kien pallidu u f’qagħda skomda, iżda ma jfissirx li ma kienx tajjeb biex iwieġeb” Minbarra dan, qal il-Prosekutur, in-negozjati dwar il-patteġġament ħadu aktar minn tliet sigħat.

L-Avukat Galea Farrugia staqsa x’jista’ jipprova l-filmati tas-CCTV f’dan l-istadju, u staqsa “dan x’valur miżjud jipprovdi lill-Qorti?” Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti ħabbret li se tkun qed toħroġ digriet, dwar l-applikazzjoni tad-Degiorgio biex jintwerew il-filmati tas-CCTV. Il-każ ġie differit għas-17 ta’ Mejju.