Internazzjonali

IL-GWERRA FL-UKRAJNA: Rapporti jindikaw li r-Russi qed jiċċirkondaw Bakhmut

Fl-aħħar sigħat kompla jintensifika l-ġlied fil-periferija tal-belt Ukrena ta’ Bakhmut hekk kif it-truppi Russi qed jiċċirkondaw iz-zona kollha, f’tentattiv ieħor biex jipprovaw jieħdu din il-belt taħt idejhom.

Fil-messaġġ li jwassal kuljum tard bil-lejl, il-President Ukren Zelensky fisser kif il-ġlied madwar Bakhmut żied fl-intensità tiegħu.

Is-sitwazzjoni f’din iz-zona ġiet deskritta bħala waħda ta’ tensjoni estrema, b’rapporti jindikaw li r-Russi irnexxielhom jinfiltraw il-linji tad-difiża mit-Tramuntana ta’ Bakhmut; xi ħaġa li se tagħmilha aktar faċli għalihom biex jaslu sal-qalba ta’ din il-belt. Għalkemm l-Ukreni determinati li ma jċedux pulzier.

Hu mifhum li f’Bakhmut għad hemm ‘il fuq minn 4,000 ċivili maqbuda. B’sorsi jindikaw li l-Kremlin qed juża lis-suldati tal-grupp Wagner biex ir-Russi jirnexxielhom jinfiltraw f’din il-belt.

Intant, rapporti separati qed jindikaw li anke fil-Krimea – li hu reġjun kontrollat mir-Russi – qed tinbet mill-ġdid tensjoni. Dan wara li matul il-lejl instemgħu xi splużjonijiet f’żewġ villaġġi.

Il-Krimea ilha mill-2014 okkupata mir-Russi.

Wieħed irid ifakkar li l-ġimgħa li għaddiet, il-pajjiżi tan-Nazzjonijiet Uniti qablu fuq riżoluzzjoni li tappella għall-paċi u għall-irtirar tat-truppi Russi mill-Ukrajna. Seba’ pajjiżi biss ivvutaw kontra din ir-riżoluzzjoni, fosthom ir-Russja stess u l-Belarus.