Lokali

Il-Labour ma jistax jibqa’ jipprova jgħaddi romblu minn fuq iż-Żebbuġin – PN

Il-Partit Nazzjonalista vvota kontra r-riżoluzzjoni tal-Gvern li tgħaddi art tal-Gvern lill-privat bi skop li tintuża’ bħala triq għall-aċċess u żona ta’ parkeġġ għal proġett ta’ supermarket ġdid f’Ħaż-Żebbuġ, b’xi partijiet minnu fuq art barra mil-limiti ta’ żvilupp.

Dan intqal fi stqarrija tad-Deputati Nazzjonalista Rebekah Borg, Darren Carabott kif ukoll Graham Bencini.

Il-pjanijiet lokali u d-dokumentazzjoni tal-proġett fost oħrajn jikkontradixxu lill-Ministru Silvio Schembri meta qal li “l-ebda art addizjonali jew ODZ mhi se tkun qed tittieħed”.

Il-proġett se jsir f’żona kulturalment sensittiva li fiha tinsab il-Mitħna ta’ Srina. Ir-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ u l-madwar, kemm-il darba lmentaw li minflok iżjed proġetti ta’ natura kummerċjali, il-lokalità tagħhom għandha bżonn aktar spazji miftuħa li jistgħu jitgawdew mir-residenti.

Anke l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, taħt it-tmexxija tal-eks Sindku u Deputat Parlamentari Laburista Malcolm Paul Agius Galea, issottometta numru ta’ oġġezzjonijiet f’isem iż-Żebbuġin kontra dan il-proġett.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li diffiċli wieħed jifhem kif l-għotja ta’ din l-art pubblika lill-privat se ssir fl-aħjar interess pubbliku. Ħasra li l-Gvern qed ikompli jinjora l-opinjonijiet tar-residenti li ta’ kuljum se jbatu l-konsegwenzi li dan il-proġett mhux mixtieq se jġib miegħu u li, fl-aħħar mill-aħħar, il-Gvern irid ikompli jgħin biex jitwettaq billi jċedi art pubblika barra miż-żona ta’ żvilupp.

Minħabba li l-vot ma kienx unanimu u d-Deputati tal-Partit Nazzjonalista waqqfu milli jgħaddi l-vot, issa jmiss li l-Gvern Laburista jressaq il-mozzjoni tiegħu quddiem il-Parlament biex id-Deputati kollha jgħidu tagħhom dwar jekk din l-art għandhiex tgħaddi għand il-privat.