Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jassigura djalogu soċjali b’saħħtu u relazzjonijiet industrijali armonjużi biex il-ħaddiema tagħna jingħataw dak li jixirqilhom u fejn kulħadd jirbaħ. Il-PN determinat li jibqa’ għaddej b’kuntatt kontinwu mall-Imsieħba Soċjali kollha.
F’laqgħa mal-UHM Voice of the Workers, delegazzjoni mill-partit Nazzjonalista mmexxija minn Chris Said President tad-Djalogu Soċjali, u minn Ivan Castillo Kelliem għar-relazzjonijiet industrijali u x-xogħol, u Claudette Buttigieg Kelliema għad-Djalogu Soċjali lltaqgħu mal-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella, flimkien ma’ delegazzjoni ta’ rappreżentanti tal-UĦM.
Il-Partit Nazzjonalista enfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali li jaħdem. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li Imsieħba Soċjali jingħataw l-opportunità li jesprimu b’mod miftuħ it-tħassib tagħhom u li dawn jinstemgħu. Il-Unjons tal-Ħaddiema għandhom rwol kruċjali fid-demokrazija u l-ekonomija tal-pajjiż, kif ukoll fit-titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema tagħna.
L-UĦM enfasizzat li hemm numru ta’ kwistjonijiet nazzjonali li jridu jiġu indirizzati. Fosthom il-kwistjoni Skills Gap , Skills Shortages u prekarjat, fejn diskussjoni serja dwar dawn is-suġġetti hija meħtieġa.
Il-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Works Josef Vella u lit-tim tiegħu għax-xogħol kontinwu tagħhom speċjalment mal-Allied Health professionals, b’mod partikolari dawk li qabel kienu impjegati ma’ Steward Healthcare.
Il-UĦM kienet ressqet protest ġudizzjarju fl-2020 quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tas-Saħħa u l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS). Dan biex jiġi żgurat li s-snin ta’ servizz li qattgħu l-ħaddiema ma’ Steward Healthcare u Vitals Global Healthcare jiġu trasferiti, bħallikieku kienu impjegati mal-FMS mill-bidu nett. Sfortunatament, il-Ministeru tas-Saħħa ma żammx kelmtu hekk kif dawn l-impjegati ġew assorbiti fl-FMS mingħajr ma jammontaw is-snin ta’ servizz u mingħajr arretrati.
//= $special ?>