“Għall-Partit Nazzjonalista l-aġir tal-PBS huwa inaċċettabbli għaliex il-poplu għandu dritt jisma l-verità u l-aħbar kif suppost. Dan għaliex il-poplu jixraqlu aħjar.”
Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta flimkien mad-Deputati Nazzjonalista David Agius u Graham Bencini inidirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-binja tal-PBS.
Bernard Grech saħaq li mis-sentenza b’saħħitha li ngħatat mill-Qorti ħareġ biċ-ċar li l-PBS u l-awtorita tax-xandir kisru d-drittijiet fundamentali tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll id-drittijiet fundamentali tal-poplu. Dan għaliex il-PBS spiċċa qed jaqdi biss lil Robert Abela u sħabu.
Bernard Grech sostna li l-PN qed jinsisti li l-jibda jsir monitoraġġ sabiex jaraw li l-PBS iħares l-liġi u x-xandir nazzjonali jwassal il-verita kollha.
Minn naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista David Agius saħaq li l-PBS irid jagħti ż-żewġ perspettivi u mhux jaqbad suġġett li jrid hu. Huwa qal li l-poplu Malti u Għawdxi ħaqqu xandir bilanċjat. Huwa qal li illum il-ġurnata spiċċajna f’sitwazzjoni fejn il-PBS ixxandar l-affarijiet tal-Gvern u qed iħalli lill-Partit Nazzjonalista bla vuċi. David Agius insista li fix-xandir nazzjonali trid tissemma l-vuċi ta’ kulħadd.
Minn naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Graham Bencini aċċenna li l-PBS qed jiċċensura aħbarijiet li jġibu lill-Gvern f’dawl ikrah filwaqt li qal li f’pajjiżna qed tkompli tirrenja kultura ta’ impunita. Għalhekk, huwa sostna l-poplu jixraqlu ħafna aħjar minn hekk.
Huwa qal li hemm tal-anqas żewġ każijiet fejn il-PBS iċċensura l-aħbar; f’każ minnhom huwa meta kien qed jitkellem il-Papa Franġisku fuq il-korruzzjoni. Bencini saħaq li l-PBS eliminat il-parti tad-diskors dwar il-korruzzjoni. Huwa qal li l-poplu ħaqqu jisma l-aħbar kompluta u jkun jaf il-verita dwar dak kollu li qed jiġri.
//= $special ?>