“Il-mod ta’ kif is-saltna tad-dritt f’Malta hija mkejla, għandu jkun il-livell ta’ progress fil-proċeduri ġudizjarji kontra Mizzi, Schembri u Muscat.”
Dan sostnieh l-MEP David Casa filwaqt li talab għal monitoraġġ aktar rigoruż mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea.
Casa qal li waqt l-assessjar dwar is-saltna tad-dritt għandha tingħata l-attenzjoni fuq l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa u l-impunità li qed tingħata lill-uffiċjali tal-Gvern Malti. Huwa kkundanna lill-Gvern Malti talli qed jilgħab logħba kerha bil-wegħda tiegħu għar-riformi bla ma jersaq qrib li jkollna saltna tad-dritt li taħdem.
Huwa saħaq li għad fadal tħassib dwar in-nuqqas ta’ prosekuzzjoni tal-korruzzjoni, bis-sitwazzjoni li marret għall-agħar minn meta l-Parlament Ewropew indika n-nuqqas ta’ progress dwar l-investigazzjonijiet kontra l-korruzzjoni f’riżoluzzjoni li ġiet approvata b’appoġġ kbir f’Ottubru li għadda.
David Casa qal li l-poplu Malti u Għawdxi ġie misruq b’mijiet ta’ miljuni ta’ ewro, filwaqt li l-Gvern preżenti kompla jgħaddi dawn il-miljuni lejn il-kumpanija anke wara li l-ftehim b’mod ċar kien riżultat ta’ korruzzjoni sfrenata.
“L-impunità lill-eks uffiċjali għolja tal-istess Gvern trid tieqaf u l-integrità ta’ Malta trid terġa’ tinbena biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun protett mill-kriminali li qarrqu bihom. U sakemm iseħħ dan in-nuqqas ta’ progress għandu jitniżżel għall-finijiet ta’ monitoraġġ tas-saltna tad-dritt,” temm jgħid Casa.
//= $special ?>