Lokali

“Il-poplu għandu dritt ikun jaf il-verità kollha dwar id-deal ma’ Vitals” – Repubblika

“Il-poplu għandu dritt ikun jaf il-verita’, għandu dritt li jara lill-politiċi u lil dawk kollha li huma mċappsa b’korruzzjoni, ħasil ta’ flus u reati oħra jitressqu l-Qorti, illum qabel għada.”

Sostna dan il-President tal-Għaqda Repubblika Robert Aquilina meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa filgħodu quddiem l-uffiċċju tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’Sa Maison.

Robert Aquilina saħaq li l-Ġimgħa li għadda l-Qorti tkellmet ċar u tond li l-4 kuntratti li saru mal-Vitals huma mibnija fuq il-frodi. Saħaq li huwa inaċċettabbli li ħadd ma refa’ responsabbilita’ politika jew kriminali rigward dan id-deal korrott mal-Vitals.

Robert Aquilina sostna li kaġun ta’ dan id-deal miljuni ta’ ewro marrru fil-but ta’ persuni korrotti minnflok marru għat-tfal, l-anzjani u l-persuni vulnerabbli li għandhom bżonn il-kura. Flus li ħarġu mill-but tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-President ta’ Repubblika fakkar li f’Mejju tal-2019 l-għaqda talbet li ssir inkjesta maġisterjali dwar dan l-iskandlu fejn hemm reati li jġorru pieni twal ta’ ħabs fosthom ħasil ta’ flus, sħubija f’assoċjazzjoni kriminali,  falsifikazzjoni ta’ dokumenti intiżi għall-Awtorita’ Pubblika kif ukoll frodi.

Huwa qal li s-sentenza storika tal-Qorti hija pass tajjeb ħafna għall-pajjiżna iżda issa l-pass li jmiss huwa li jitressqu l-Qorti dawk kollha li huma responsabbli.

Robert Aquilina aċċenna li l-poplu għandu d-dritt ikun jaf fejn marru dawn il-miljuni ta’ flus u l-Gvern ta’ Abela għandu l-obbligu li jġib lura kull ċenteżmu li nsteraq mill-poplu.