“Il-Partit Nazzjonalista jassigura li l-ebda ħaddiem ta’ steward ma jispiċċa bla impjieg.”
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Bernard Grech, f’laqgħa li saret l-Erbgħa waranofsinhar, fejn waqt żjara li huwa għamel fil-kwartieri tal-union fil-Floriana, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella, iddiskuttew it-triq ‘il quddiem wara li fl-aħħar jiem, il-Qorti annullat il-ftehim kundannabli tat-tliet sptarijiet bejn il-Gvern u Steward Health Care.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li kien akkumpanjat ukoll mid-deputat tal-PN Ivan Castillo, iltaqa’ mal-ħaddiema tal-UHM u rringrażjahom għax-xogħol li jagħmlu fil-qasam tad-drittijiet tal-ħaddiema u r-relazzjonijiet industrijali u anki għall-pożizzjoni li l-union ħadet fil-kwistjoni tal-isptarijiet.
Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella, spjega kif il-union ilha mill-bidu nett twissi li l-ftehim dwar l-isptarijiet ma kienx fl-interess tal-poplu, filwaqt li fakkar li kienet il-UHM li fl-2016 flimkien mal-union tat-tobba, kienet għamlet it-talba biex dan il-kuntratt ikun investigat mill-Awditur Ġenerali.
Madanakollu, il-Kap Eżekuttiv wissa li l-istorja għadha għaddeja għaliex il-ħaddiema li kienu ġew ingaġġati minn Steward għadhom qed jiġu diskriminati.
Vella fisser kif dawn il-ħaddiema minkejja li jagħmlu l-istess xogħol tal-kollegi tagħhom li huma fuq il-kotba tal-Gvern, għandhom kundizzjonijiet inferjuri, u dan imur kontra l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol tal-istess valur. Għalhekk hu forma ta’ diskriminazzjoni u m’gaħndux jiġi accetat.
Il-kawża separata li l-UĦM fetħet kontra l-Gvern, wara li l-Gvern Laburista ma onorax ftehim bil-miktub li fih kien ta kelmtu li l-ħaddiema ta’ Steward ikunu trasferiti mal-Gvern bl-istess kundizzjonijiet ta’ sħabhom se tkompli tinstema’ nhar il-Ħamis 16 ta’ Marzu. Intant, fl-istess laqgħa tħabbar ukoll li l-UĦM se tkun qed tieħu sehem fil-protesta nazzjonali bit-tema ‘Int jixraqlek aħjar’ .. li se ssir nhar il-Ħadd li ġej fit-3.30pm quddiem Kastilja.
//= $special ?>