Lokali Qorti

Il-Qorti tnaqqas iż-żmien biex il-kumpanija Steward tkun tista’ tappella mis-sentenza

L-Imħallef Miriam Hayman naqqset 10 ijiem mit-terminu biex wieħed jappella deċiżjoni li annullat kuntratti li tat-tliet sptarijiet statali lil investituri privati. Steward Health Care issa għandu 20 jum biex jagħmel dan fejn il-prassi hija ta’ 30 ġurnata biex wieħed jappella.

Wara s-sentenza importanti li ngħata nhar il-Ġimgħa mill-Imħallef Francesco Depasquale fejn bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista l-isptarijiet irritornaw lura għand il-poplu Malti wara ħames snin ta’ provi mill-ftuħ tal-kawża li kien ressaq id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni.

It-talba biex jitqassar iż-żmien tal-appell ġiet ippreżentata mill-Gvern u mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela, li qal ukoll li l-Gvern se jkun qed jitlob lill-Qorti biex tisma’ kull appell eventwali b’urġenza. Il-Prim’Awla, Qorti Ċivili, laqgħet it-talba tal-Gvern biex jitnaqqas iż-żmien tal-appelli.

Is-sentenza importanti tal-Ġimgħa li għaddiet sabet li kien hemm provi ċari ta’ frodi fl-istadji kollha tal-ftehim ta’ konċessjoni ta’ l-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex lil Vitals Global Healthcare, li mbagħad biegħet il-konċessjoni tagħha lil Steward.

Il-Qorti li kellha kliem iebes mhux biss għall-investituri privati imma wkoll għal mod kif il-Gvern ta l-kuntratti bi flus il-poplu neħħiet il-kuntratti kollha relatati mal-ftehim kif ukoll kwalunkwe emendi u żidiet li saru magħhom. Steward Health Care wieġbet billi qal li qieset allegazzjonijiet ta’ aġir ħażin bħala “għajb u bla mertu” u kellha l-intenzjoni li “issegwi azzjoni” biex tikkontestahom.

Waqt is-seduta, l-Imħallef Hayman laqgħet it-talba tal-Avukat tal-Istat Chris Soler kif ukoll minn rappreżentant legali ta’ Steward. Soler qal lill-Qorti li l-Gvern ried iqassar il-perjodu ta’ 30 ġurnata minħabba l-interess pubbliku tal-kwistjoni li hi taħt skrutinju.

L-Avukat ta’ l-Istat jagħti x’jifhem li Steward u Vitals jistgħu jkunu dovuti xi flus mill-istat

“Bħalissa ninsabu f’limbu legali,” qal Soler, hekk kif innota li għad fadal mistoqsijiet dwar jekk Steward u Vitals kinux dovuti xi flus mill-istat. “Sakemm dawn il-proċedimenti, anke waqt li nitkellmu, jista ‘possibilment ikun hemm talbiet għal ħlas u oħrajn fil-futur,” qal l-Avukat tal-Istat.

Steward sostna li, aktar milli interess pubbliku u inċertezza, it-talba ta-Gvern ħarġet minn pressjoni politika u tal-midja. Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, ftit tal-ħin wara li ngħatat is-sentenza, l-Gvern ħareġ stqarrija li se jkun qed jitlob li jitqassar iż-żmien tal-appell,” sostna l-avukat Joseph Camilleri għal Steward.

Qal li Steward kellu bżonn iż-żmien biex jipprepara l-appell eventwali tiegħu. Il-każ kien ħa ħames snin biex jiġi deċiż u l-Qorti kienet saħansitra pospostet id-data meta kellha tagħti s-sentenza, għax kellha bżonn aktar żmien. Allura Steward issa m’għandux ikollu l-limitu ta’ żmien sħiħ biex jipproduċi appell, saħaq l-avukat tal-kumpanija. ż

L-Imħallef Hayman issospendiet s-seduta għal xi ħin biex tiddelibera fuq it-talba. Meta rritornat lura, id-digriet tagħha laqa’ t-talba tal-Gvern u qassar il-perjodu tal-appell għal 20 jum, l-istess ammont ta’ żmien mogħti biex jiġu ppreżentati sentenzi tal-appell qabel emendi reċenti estendew dak għal 30 ġurnata.

Filwaqt li tali tqassir kien proċedura eċċezzjonali, il-liġi tat diskrezzjoni lill-Qorti, peress li rrikonoxxiet l-interess pubbliku fuq il-każ. Filwaqt li s-sentenza tal-Ġimgħa kienet voluminuża, kif sostna Steward, il-Qorti qalet li hija ċerta li ħafna mill-punti kkontestati kienu diġà ġew diskussi.

L-avukati Edward Debono, Nicholas Debono u Daniel Buttigieg irrappreżentaw lil Delia. Il-Gvern kien rappreżentat mill-Avukat tal-Istat Chris Soler. Steward kien difiż mill-avukat Joseph Camilleri. Oħrajn li kellhom rabta mal-każ kienu rappreżentati mill-avukati Stefano Filletti u John Bonello.