Tħabbret il-mewt ta’ Just Fontaine fl-etá ta’ 89 sena. Meqjus bħala wieħed mill-aqwa attakkanti ta’ kull żmien, Fontaine jibqa’ magħruf għal fatt li għadu l-aqwa skorer f’finali tat-Tazza tad-Dinja meta fl-edizzjoni tal-1958 kien skorja 13-il gowl.
Rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb fl-1958, imwieled fil-Marokk, mid-debutt fl-1950 ma’ Casablanca fejn fi tlett staġuni skorja 48 gowl, beda karriera fi Franza ma’ Nice fejn bejn l-1953 u l-1956 skorja 69 gowl. Ingħaqad ma’ Reims fejn sal-1962 skorja 131 għal total bħala professjonali ta’ 226 gowl f’248 partita.
Just Fontaine kien kostrett li jirtira ta’ 29 sena minħabba li kien weġġa u qatt ma rkupra biex jerġa jkun l-attakkant li kien. Mat-tim Nazzjonali ta’ Franza bejn l-1953 u l-1960 skorja 30 gowl f’21 partita.

