Futbol Sport

Jefferson De Assis jirbaħ l-unur tal-BOV Plejer tax-Xahar għal Jannar

Jefferson de Assis ta’ Gzira United ġie vvutat l-aqwa plejer tax-xahar ta’ Jannar biex b’ħekk żied trofew ieħor tal-‘BOV Plejer tax-Xahar’, mat-tlieta l-oħra li diġa rebaħ, dawk għal Awwissu u Settembru 2022, kif ukoll dak ta’ Ottubru 2019, li kien l-ewwel wieħed għalih.

L-attakkant Brażiljan kien l-eroj għal Gżira United hekk kif skorja darbtejn biex ta rebħa ta’ 2-0 lill-Maroons fuq Hibernians fil-konfront dirett bejn żewġ timijiet li qed jisfidaw għal post fil-futbol Ewropew dan is-sajf fejn ukoll ġie vvutat bħala l-‘BOV Plejer tal-Logħba’

Aktar kmieni fix-xahar, Jefferson fetaħ l-iskor fir-rebħa ta’ 3-0 ta’ Gzira fuq Marsaxlokk. Dawn iż-żewġ rebħiet ikkonsolidaw lit-tim ta’ Darren Abdilla fit-tieni post fil-klassifika tal-Kampjonat BOV Premier, wara l-leaders assoluti Ħamrun, b’Jefferson bħalissa fuq nett fil-lista tal-aqwa Scorers.

Priscilla Attard, Manager tal-Fergħa tal-Gzira tal-Bank of Valletta ppreżentat it-trofew tal-BOV Plejer tax-Xahar għal Jannar 2022 lil De Assis li għażel lil Caritas biex jibbenefikaw mid-donazzjoni tal-Bank assoċjata ma’ dan il-premju.